Tispiċċa s-sena u l-kuntratti tal-Gvern jibqgħu 'sigrieti'

Minkejja l-wegħda ta’ Muscat li jippublika l-kuntratti tal-Gvern sal-aħħar tal-2016, ħafna minnhom għadhom ‘sigrieti’

Numru ta’ kuntratti kbar tal-Gvern, baqgħu ma ġewx ippublikati, minkejja l-wegħda li kien għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat, li dawn se jiġu ppublikati sal-aħħar tal-2016.

Wara li f’April li għadda, beda l-iskandlu tal-Panama, fil-Parlamanet Muscat kien ammetta li l-Gvern għandu bżonn itejjeb il-pożizzjoni tiegħu fi kwistjonijiet ta’ governanza tajba. “Sal-aħħar tas-sena, se nippublikaw il-bqija tal-kuntratti li ġew iffirmati biex nuru li ma nibżgħux mit-trasparenza,” kien qal Muscat.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-Gvern ippublika l-kuntratti li għamel mal-Vitals Global Healthcare (VGH) dwar il-privatizzazjoni tal-isptarijiet t’Għawdex, ta’ San Luqa u Karin Grech, avolja xi uħud mill-paġni kienu mgħottija.

Iżda wara li spiċċat l-2016, kuntratti kbar oħra ffirmati mill-Gvern baqgħu ma ġewx ippublikati. Dawn jinkludu l-kuntratt mal-Electrogas, għall-bini u l-operat tal-power station tal-LNG f’Delimara, li jinkludi garanziji tal-bank b’valur ta’ €360 miljun, kif ukoll il-ftehim li sar mal-kumpanija mill-Azerbajan, Socar, għall-provvista ta’ gass.

Kuntratt ieħor li qatt ma ġie ppublikat huwa dak li sar mal-grupp Sadeen, għall-bini tal-‘Università Amerikana ta’ Malta’.

More in Politika