Konrad Mizzi kiser il-wegħda tal-kalendarju tiegħu stess

Marthese Portelli tgħid li Konrad Mizzi ma jiddejjaq xejn jitmejjel bin-nies f'wiċċhom.. il-PL ifakkar li l-fjuwil illum huwa 22ċ irħas minn tliet snin ilu

Marthese Portelli turi l-kalendarju ta' Konrad Mizzi
Marthese Portelli turi l-kalendarju ta' Konrad Mizzi

Minkejja kull wegħda li għamlu Joseph Muscat u Konrad Mizzi - li qatt m’huma se jgħollu l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għaliex għandhom “politika stabbli”, dalgħodu, l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin qamu b’żieda ta’ 4 ċenteżmi fuq kull litru fil-prezzijiet tal-fuels. Dan ifisser li filwaqt li l-prezzijiet f’Malta ilhom fost l-ogħla fl-Ewropa għal dawn l-aħħar sentejn, issa, s-sewwieqa f’pajjiżna se jesperjenzaw aktar żidiet f’dak li jħallsu. Dan fl-istess ħin li l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, biex, kif inkixef hu stess, fiha jitfa’ l-commissions, kif ukoll wara li ġie żvelat li l-Ministeri nefqu €250 miljun aktar mill-budget is-sena li għaddiet - fil-maġġoranza tagħhom f’safar.

Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-jum li ddaħħlu żidiet ta’ 4 ċenteżmi fuq kull litru ta’ petrol u diesel f’pajjiżna. Marthese Portelli rreferiet għall-kalendarju li qassam Konrad Mizzi fid-djar fl-aħħar jiem, fejn, max-xahar ta’ Jannar, wieħed isib dawn il-kliem: “Politika ta’ Stabbilità: Prezzijiet tal-fuel irħas u stabbli”. Filwaqt li sostniet li Konrad Mizzi ma jiddejjaq xejn jitmejjel bin-nies f’wiċċhom, staqsiet xi tfisser il-politika ta’ stabbilità għal Joseph Muscat u Konrad Mizzi. “L-uniku definizzjoni ta’ politika ta’ stabbilità għal Muscat u Mizzi tfisser li meta l-prezz taż-żejt ikun l-aktar baxx fl-istorja, l-prezzijiet tal-fuels jibqgħu l-istess, u meta l-prezz taż-żejt jgħola bi ftit, il-prezzijiet tal-fuels f’Malta jgħolew ħafna,” qalet Marthese Portelli. Hi ddeskriviet din l-hekk imsejħa politika ta’ stabbilità bħala ingann ieħor ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi.

Taħt Gvern Laburista l-fjuwils raħsu b'20ċ jew aktar...taħt il-PN il-petrol biss għola b'kważi 40ċ    

Intant il-Partit Laburista fi stqarrija saħaq li minkejja t-tibdil li tant ħareġ jikkritika l-Partit Nazzjonalista,'il-prezz tal-petrol huwa 20ċ orħos mill-livell li kien fl-ewwel xahar sħiħ ta' din l-amministrazzjoni, filwaqt li l-prezz tad-diesel huwa 22ċ orħos. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma' dak li wettaq il-Partit Nazzjonalista bejn Marzu 2008 u Marzu 2013 meta kien għolla l-prezz tal-petrol b'39ċ u d-diesel b'36ċ. Minbarra din iż-żieda ta' madwar 36% fil-prezz tal-fjuwil, il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern kien għażel li jgħolli l-kontijiet tad-dawl b'71%. B'rizultat ta' hekk l-familja medja f'pajjiżna kienet spiċċat b'piż ta' spiża annwali akbar fuq dawl, ilma u fjuwil ta'  madwar €1,500.'

 

 

 

 

 

 

 

 

More in Politika