Ħatra importanti għal Comodini Cachia fil-Parlament Ewropew
Comodini Cachia tinħatar Viċi-Kordinatur tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fil-Parlament Ewropew
More in Politika
Comodini Cachia tinħatar Viċi-Kordinatur tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fil-Parlament Ewropew
L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia inħatret Viċi-Kordinatriċi tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI) fil-Parlament Ewropew. Fl-ewwel kummenti tagħha wara li nħatret f’din il-kariga, Dr Comodini Cachia stqarret li “b’umiltà ġejt eletta f’din il-pożizzjoni. Se nkompli naħdem flimkien mal-kollegi tiegħi sabiex nindirizza t-tħassib taċ-ċittadini. Se nkompli nisma’ l-istakeholders kollha sabiex niżgura li l-policies fl-Unjoni Ewropea jkunu jirriflettu l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej.” L-elezzjoni saret fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu, l-Erbgħa filgħaxija.
Il-gruppi politiċi jaħtru kordinaturi u viċi-kordinaturi f’kull kumitat sabiex ikunu l-kelliema tal-grupp f’dawn il-kumitati u flimkien mal-kordinaturi mill-gruppi politiċi l-oħra, jippreparaw deċiżjoni li jkunu jridu jittieħdu, speċjalment fuq il-proċeduri u l-ħatriet tar-rapporteurs. Jistgħu wkoll jimmobiliżżaw membri fil-grupp waqt voti importanti u jaħtru shadow rapporteurs.
L-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia hija membru attiv fil-kumitat JURI, hija serviet bħala rapporteur tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fuq ir-robotika u files oħrajn relatati mas-Suq Wieħed Diġitali. Fil-preżent hija rapporteur fuq ir-riforma tal-Copyright. Din il-ġimgħa, Comodini Cachia ltaqgħet mal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Andrus Ansip fejn iddiskutiet din ir-riforma meħtieġa. Therese Comodini Cachia se tkun qed tieħu sehem f’laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders f’Malta, li jinkludu fost l-oħrajn il-pubblikaturi, awturi, ġurnalisti, mużiċisti, kantanti, atturi u fotografi. Dawn il-workshops se jsiru fis-6 u s-7 ta’ Frar li ġej.