Minn żona żdingata għal spazju pubbliku fl-Imsida

Investiment ta' madwar €120,000 biex art mitluqa ssir spazju pubbliku 

Is-sit fejn qed isir proġett ta' tisbiħ
Is-sit fejn qed isir proġett ta' tisbiħ

Żona fl-Imsida li ilha żdingata għal għadd ta’ snin u li kienet ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti, issa se tkun qed tinbidel fi spazju pubbliku, grazzi għal proġett mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Ir-residenti ta’ din iż-żona, qabel is-sena 2013, kienu ġew imwiegħda li se jsir proġett ta’ tisbiħ u anke twaħħlet ‘billboard’ fuq is-sit, proġett li baqa’ qatt ma mmaterjalizza. Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li dan il-proġett se jkun qed jitlesta sa nofs din is-sena b’investiment ta’ madwar €120,000.

Il-proġett, li x-xogħol fuqu beda fil-ġimgħat li għaddew, jinkludi l-bini ta’ ġiebja, bini ta’ planters, pavimentar tal-art, xogħol ta’ asfaltar ta’ toroq, bini ta’ bankini ġodda, street lighting ġdid u għamara bħal bankijiet u kontenituri tal-iskart ġodda. Il-Ministru Joe Mizzi qal li r-residenti kienu ilhom jitolbu lill-Kunsill Lokali biex dan il-proġett imwiegħed fil-fatt isir. Huwa qal li l-Gvern huwa impenjat li jwettaq proġetti ta’ riġenerazjoni ta’ żoni li jinsabu mitluqin, u dan dejjem skont il-programm ta’ xogħlijiet, il-budgets allokati u l-prijoritajiet li jirriżultaw.

Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema tal-kuntrattur li huma involuti fix-xogħol, taħt is-sorveljanza tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li dan il-proġett mhux biss se joffri dehra isbaħ milli kienet iżda wkoll se jiġi ipprovdut parkeġġ għall-pubbliku u għal persuni b’diżabilità.Għall-konferenza tal-aħbarijiet, attendiet is-Sindku tal-Imsida, kif ukoll membri oħrajn tal-Kunsill Lokali. Fl-intervent tagħha, is-Sindku Margaret Baldacchino Cefai irringrazzjat lill-Ministru Joe Mizzi tal-intervent tiegħu biex wara ħafna snin, ir-residenti ta’ din iż-żona, se jkollhom post ta’ rikreazzjoni xieraq.

 

More in Politika