Ninsabu fuq l-għatba ta’ influss probabbli ta’ eluf ta’ immigranti fiċ-ċentru tal-Mediterran u l-Unjoni Ewropea għadha ma ħarġitx b’soluzzjoni effettiva li verament tagħmel differenza u tindirizza din ir-realtà. Stqarret dan il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Miriam Dalli fil-Parlament Ewropew waqt li kien qed jiġi diskuss is-suġġett tal-immigrazzjoni miċ-ċentru tal-Mediterran.
“Sorsi differenti qed jitkellmu dwar eluf ta’ nies jistennew fil-Libja biex jaqsmu lejn l-Ewropa. Is-sitwazzjoni hija kritika u la jikkalma t-temp se nerġgħu niffaċċjaw influss qawwi ieħor mingħajr m’għandna soluzzjonijiet adegwati,” qalet Dr Dalli.
L-MEP Laburista qalet li fost oħrajn jeħtieġ azzjoni diretta fuq it-traffikanti, u li tingħata l-opportunità ta’ passaġġ sigur u legali għar-refuġjati li għandhom dritt għall-ażil b’mod ikkontrollat.
“B’hekk, tkun tista tingħata protezzjoni internazzjonali lil dawk intitolati għaliha, b’distribuzzjoni ekwa u ġusta mal-iStati Membri,” qalet Miriam Dalli.
Dalli saħqet li l-obbligi internazzjonali li dejjem iggwidawna għandhom jibqgħu jiġu mħarsa. Temmet tgħid li hemm bzonn aktar minn qatt qabel li l-Unjoni Ewropea tkun proattiva fuq il-Mediterran bl-għan li tinkiseb aktar stabilità fir-reġjun.