Tliet studenti u lettur se jingħataw maħfra għall-hacking etiku tal-app tal-istudenti FreeHour, kif irrakkomandat mill-Kabinett
F’stqarrija maħruġa mill-gvern intqal li l-kabinett iddiskuta l-każ u ġie nnutat ukoll il-pożizzjoni tal- kumpanija FreeHour dwar is-suġġett.
Il-Kabinett irrikonoxxa li, fiż-żmien meta allegatament twettaq ir-reat, Malta ma kellhiex qafas legali li jirregola l-etika tal-hacking.
Minħabba f’hekk, il-Kabinett qabel li jirrakkomanda maħfra presidenzjali għall-akkużati. Din se tkun f’idejn il-President li tikkonferma din il-maħfra.
Tliet studenti, Michael Debono, Giorgio Grigolo u Luke Bjorn Scerri ġew akkużati l-ġimgħa li għaddiet li aċċessaw illegalment l-app FreeHour mingħajr permess.
Il-lettur tagħhom, Mark Joseph Vella, ġie akkużat bħala kompliċi għax għenhom billi qara l-email mibgħuta minn l-istudenti lil FreeHour.
F’Ottubru tal-2022, l-istudenti skannjaw is-softwer tal-app u skoprew vulnerabbiltajiet fih. Giorgio Grigolo għamel modifika fl-app biex jinforma lil FreeHour dwar din il-vulnerabbiltà. Grigolo ħa screenshot tal-modifika u mbagħad reġa’ ħalla kollox kif kien oriġinarjament.
Wara dan, l-istudenti bagħtu email lill-fundatur ta’ FreeHour, Zach Ciappara, jiddeskrivu dak li sabu u talbu rigal jew kumpens bħala premju għas-sejba tagħhom.
Meta rċieva l-email, Ciappara rrapporta il-każ lill-pulizija u infetħet investigazzjoni.
Scerri, Grigolo u Debono ġew arrestati minn djarhom f’Novembru tal-2022, miżmuma taħt kustodja, u saritilhom tfittxija mill-pulizija fejn ġew kkonfiskati diversi apparati teknoloġiki.