‘Għad-Drittijiet tal-Annimali... jew ta’ min m'għandux rispett lejhom’

BirdLife Malta tikkundanna l-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali f’attività li tippromwovi l-insib

Roderick Galdes waqt tnedija ta' attività li tippromwovi l-insib
Roderick Galdes waqt tnedija ta' attività li tippromwovi l-insib

Fi stqarrija maħruġa minn BirdLife Malta, l-organizzazjoni ikkundannat l-aġir tas- Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes, li huma sostnew li fir-rwol tiegħu, ma messux kien parti mit-tnedija ta’ attività li tippromwovi l-insib tal-għasafar.

“Huwa inaċċettabbli li Roderick Galdes fir-rwol tiegħu ta’ Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali jagħżel li jkun parti mit-tnedija ta’ attività li tippromwovi l-insib tal-għasafar li se ssir għada. Attivitajiet marbutin mal-insib m’għandhom assolutament l-ebda rabta mad-drittijiet tal-annimali,” sostnew BirdLife Malta.

BirdLife Malta  sostnew li din l- attività tmur kontra l-valuri tal-imħabba lejn in-natura, il-preservazzjoni u l- konservazzjoni, u li jkollok lill-persuna fi ħdan il-Gvern Malti li tirrappreżenta d- drittijiet tal-annimali tniedi din l-attività sempliċiment juri fejn huma l- prijoritajiet tas-Segretarju Parlamentari.

Fl-istqarrija tal- BirdLife Malta jiġi spjegat li Galdes diġà kien ġie kkritikat f’Jannar 2016 meta organizza attività ma’ balzmaturi tal-għasafar bi promozzjoni għall-qtil u l-ibbalzmar tal-għasafar. F’dik l-okkażjoni kien deher maġenb żewġ persuni li kienu nstabu ħatja ta’ pussess illegali ta’ għasafar protetti, inkluż tajr tal-priża.

“Issa, għal darba oħra,” żiedu BirdLife Malta, “tul it-tnedija tal-attività ta’ għada, Galdes ingħaqad ma’ persuna li nstabet ħatja li kienet fil-pussess ta’ 20 karkassa ta’ tajr protett, l-aktar tajr tal-priża.”

BirdLife Malta qegħdin jikkumtew li minflok jitbiegħed minn dawk li ma jirrispettawx l-ambjent u l-liġijiet tal- konservazzjoni, Galdes jagħżel li jorganizza l-attivitajiet magħhom. “Dan ipoġġi f’dubju l-kredibbiltà tiegħu meta jgħid li qed jiġġieled l-illegalitajiet marbutin mal-liġijiet tan-natura.” Sostniet l-organizzazjoni favur id-drittijeit tal-għasafar.

Roderick Galdes jippromwovi attività tal-insib fuq il-paġna Facebook tiegħu
Roderick Galdes jippromwovi attività tal-insib fuq il-paġna Facebook tiegħu

Waqt li l-attività ppjanata għal għada fil-Buskett tista’ tiġi kkunsidrata wkoll bħala waħda illegali għax se ssir f’riserva naturali li hija sit Natura 2000 fejn mhux permess li persuni jkunu fil-pussess ta’ għasafar, BirdLife Malta qed titlob lill- Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tikkjarifika x’inhi l-pożizzjoni tagħha dwar din l-attività.

BirdLife Malta ssejjaħ ukoll lill-Prim Ministru biex iżomm l-kelma li ta wara r- referendum, li se jkun qed imexxi gvern b’kuxjenza ambjentali akbar.

More in Politika