Malta quddiem il-Qorti Ewropea...minħabba l-insib

Illum mistenni jibda' s-smiegħ kontra Malta dwar l-insib illegali tal-isponsuni. Id-deċiżjoni tal-Qorti għandha tittieħed aktar tard din is-sena

Ritratt mehud mill-CABS juri l-bejgħ illegali ta' Sponsuni fir-Rabat
Ritratt mehud mill-CABS juri l-bejgħ illegali ta' Sponsuni fir-Rabat

Illum fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, mistenni jibda' s-smiegħ kontra Malta dwar l-insib illegali tal-isponsuni. Id-deċiżjoni tal-Qorti għandha tittieħed aktar tard din is-sena.

Il-każ tal-insib tal-isponsuni beda hekk kif il-Gvern fetaħ l-istaġun tal-insib fl-2014, minkejja r-rakkomandazzjoni tal-Awditur Ġenerali biex ma jagħmilx hekk, għax Malta ma kelliex ċans tiddenfendi dan il-każ fil-Qorti Ewropea u ma kelliex tapplika d-deroga.

L-insib għall-isponsuni kien ġie projbit f'Malta meta pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea, iżda reġa' ġie ntrodott mill-Gvern preżenti tliet snin ilu. L-insib għall-isponsuni reġà tħalla minkejja li l-Gvern kien jaf li l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea mhux se taċċetta d-deroga minħabba li l-isponsuni huma speċi protetta, u li l-insib għalihom permezz ta' xbieki huwa projbit.

Intant aktar kmieni llum, fi stqarrija maħruġa mill-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS), ġie mfaħħar l-isforz tal-Kummissjoni Ewropea biex tittella' Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, minħabba d-deċiżjoni li ħa l-Gvern li jerġa jiftaħ l-istaġun tal-insib għall-isponsuni.

"L-insib għall-isponsuni permezz tax-xbieki la hu selettiv u lanqas sostenibbli, u jgħodd ukoll bħala krudeltà fuq l-annimali, filwaqt li jjkerrah il-pajsaġġ u jinkuraġġixxi l-bejgħ illegali ta' għasafar protetti," sostnew il-CABS.

Il-CABS akkużaw ukoll lis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes talli ta' deskrizzjoni "falza" tal-istaġun tal-insib, li huwa ddeskriva bħala wieħed "ikkontrollata sew". Skont il-CABS, "is-sitwazzjoni reali hija totalment l-oppost, fejn hemm insib illegali u nuqqas totali ta' infurzar waqt ir-rebbiegħa, mijiet ta' duri mibnijin illegalment f'żoni protetti u negozju illegali ta' bejgħ ta' tjur protetti."

Il-President tal-CABS, Heinz Schwarze qal li "fuq kollox, li l-insib għall-isponsuni jkun permessibli, huwa ksur tad-Direttivi Ewropej tal-Għasafar, li Malta aċċettat meta saret membru tal-UE."  Schwarze żied jgħid li "minflok jinħlew il-flus mit-taxxi tal-poplu għad-difiża ta' dak li m'għandux jiġi difiż, Galdes għandu jkollu l-kuraġġ u l-onestà li jgħid lin-nassaba li l-kawża tagħhom hija waħda mitlufa, u li għandhom isibu passatemp ieħor."

More in Politika