Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal kif il-Gvern se jiddiskuti u jikkunsidra jekk jibdewx jingħataw pieni iktar ħorox lil persuni li jkunu l-moħħ wara attakki bħal dawn.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza sigħat wara l-bomba li ħalliet midrub gravi lil Romeo Bone fl-Imsida, Abela qal li l-Kabinett se jkun qed jiltaqa' għada sabiex ikun jista' jiddiskuti dwar din is-sitwazzjoni. Dan minkejja li sostna li l-Pulizija tieħu każi bħal dawn bl-ikbar serjetà. Qal li l-laqgħa se tkun qed tara x'għajnuna jista' jagħti l-Gvern lill-Pulizija biex jiġu solvuti dawn it-tipi ta' reati.
Il-Ministru Abela qal kif il-Gvern jinsab irrabjat u xxukjat għal dak li qed jiġri fil-pajjiż meta kien qed jirreferi għall-każi ta' bombi fil-pajjiż, wara li l-bomba li ħadet dalgħodu fl-Imsida kienet it-tieni waħda din is-sena.
"Minbarra r-rabja tagħna, ninsabu xxukjati speċjalment b'dak li ġara dalgħodu, li seħħ fi triq traffikuża u li minnha jgħaddu eluf ta' persuni." Żied jgħid li minħabba f'hekk, ir-riskju mhuwiex biss għall-persuna li tkun f'din il-karozza iżda għal kull min ikun qed jagħmel użu mit-triq.