Libelli, multi u reġistri...xi jfissru t-tibdiliet proposti fil-liġi tal-media
Kulħadd qed jitkellem dwar l-att dwar il-Media u l-Malafama...imma xi jfisser eżatt? Lil hinn mil-legaliżmi, l-ILLUM analizzat uħud mill-proposti fl-abbozz tal-liġi l-ġdida mressaq din il-ġimgħa
minn Veronica Lynn Mizzi
Matul il-ġimagħtejn li għaddew, l-aħbarijiet kollha kienu prattikament iddominati mill-kwistjoni Cardona-Caruana Galizia, wara li l-Ministru għall-Ekonomija talab lill-Qorti sabiex fil-każ ta’ libell li huwa fetaħ kontrieha, jiġu sekwestrati €47,460 tal-assi tagħha. Dan il-każ qajjem furur sħiħ, kemm fost il-ġurnalisti li ħafna minnhom ħassew li din l-ordni ta’ sekwestru tipperikola l-libertà tal-espressjoni u timpedixxi lill-ġurnalist milli jagħmel xogħlu hekk kif dawn il-flus ġew issekwestrati ferm qabel mal-Qorti bdiet tisma’ l-każ ta’ libell, kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali. Dawn tal-aħħar kienu maqsuma fuq l-opinjoni tagħhom hekk kif uħud sostnew li b’hekk, il-Ministru Cardona kien qed juża l-pożizzjoni tiegħu biex irażżan il-libertà tal-espressjoni, waqt li oħrajn sostnew li Daphne Caruana Galizia kien ħaqqha dan minħabba l-istil ta’ kitba tagħha.
Is-sostenn lejn Caruana Galizia wassal biex il-kandidat Nazzjonalista David Thake beda kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għal Caruana Galizia, li jammontaw għas-somma ssekwestrata. Minbarra dan, il-Partit Nazzjonalista sejjaħ għal attività politika f’Tas-Sliema sabiex ‘jiġu difiżi d-demokrazija u l-libertà’, u llum l-istess Partit qed isejjaħ għal dimostrazzjoni nazzjonali.
Dan il-każ wassal sabiex iktar kmieni matul il-ġimgħa, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jħabbar abbozz ta’ liġi bħala riforma fil-liġi tal-istampa. Fost l-oħrajn, qed jiġi propost li jitneħħa l-libell kriminali u l-mandati ta’ sekwestru. L-ILLUM tat ħarsa lejn l-abbozz ta’ liġi ta’ 22 paġna u elenkat uħud mill-punti ewlenin li dan l-abbozz jitkellem dwarhom.
Il-liġi tal-malafama ma tapplikax jekk il-kitba tkun ippubblikata f’xi ġurnal jew rivista xjentifika jew akkademika
Persuna tiġi eskluża mil-liġi tal-malafama jekk il-kitba tagħha tkun ġiet ippubblikata f’xi ġurnal jew rivista xjentifika jew akkademika. Dan diment li l-kitba tkun strettament xjentifika jew tal-akkademika, u li l-kitba tkun ukoll waħda li ġiet approvata mill-editur tal-istess ġurnal jew persuna oħra li għandha kompetenza f’dak il-qasam, fuq l-istess bażi. Fi kliem ieħor, bħala eżempju, persuna tkun eskluża jekk tikteb fuq l-abort minn lat xjentifiku, imma mhux jekk l-artiklu jkun mibni fuq bażi morali.
Massimu ta' €20,000 f’danni morali jew ta' telf ta’ qligħ
Id-danni marbuta ma’ każi ta’ libelli wkoll qed jiġu proposti li jinbidlu. Il-Qorti ma tistax tordna li titħallas somma ta’ iktar minn €20,000 f’danni morali jew telf ta’ qligħ. Fil-każ ta’ inġurja, jiġifieri li persuna tħoss li ġiet malafamata minħabba kliem malizjuż li jkun intqal bil-fomm, l-ammont massimu li jitħallas huwa ta’ €10,000.
Fi żmien 20 ġurnata, jibda s-smigħ fil-Qorti
L-abbozz ta’ liġi jipproponi li f’każ ta’ malafama, dan jibda jinstema’ fi żmien qasir fil-Qorti. Fil-fatt, proposta partikolari tgħid li f’perjodu ta’ 20 ġurnata, il-Qorti trid tkun sabet data għal smigħ preliminari tal-kawża.
Jekk isir ftehim bejn iż-żewġ partijiet, il-każ ma jkunx hemm bżonn jitressaq il-Qorti
Dan l-abbozz jipproponi li qabel ma każ bħal dan jitressaq fil-Qorti sabiex jibda jinstema’ u eventwalment tinqata’ s-sentenza, ikunu eżawriti l-mezzi alternattivi kollha possibbli. Jekk il-Qorti tara li l-każ kapaċi jissolva b’medjazzjoni jew ftehim bejn iż-żewġ partijiet, dan għandu jsir fi żmien stipulat, u jekk ma jsir xejn, il-każ jipproċedi bil-Qorti.
Jipproponi wkoll li jekk l-awtur lest li jagħmel apoloġija li jaqblu magħha ż-żewġ naħat, il-kawża taqa’, bid-danni li jitħallsu, jekk jiġi deċiż li jsir dan, ma jkunux ta’ iktar minn €1,000.
Alternattiva oħra hi dik li l-Qorti tisma’ verżjoni mqassra tal-każ, u tiddeċiedi abbażi ta’ dan.
Il-Qorti tikkunsidra l-gravità tal-malafa fid-deċiżjoni finali tas-sentenza
Id-deċiżjoni finali tas-sentenza tal-Qorti tkun tiddependi minn għadd ta’ fatturi u tirrifletti jekk kienx hemm xi tip ta’ inizjattiva sabiex jitranġaw l-affarijiet bejn iż-żewġ partijiet. Punti li l-Qorti għandha tikkunsidra huma l-gravità tal-malafama, jekk kienx hemm verifiki qabel ma ġiet ippubblikata l-informazzjoni u finalment, jekk kinetx saret xi apoloġija jew kjarifika mal-parti li ħassitha malafamata.
Kontenut malafamanti jrid jitneħħa minn fuq sit online jekk il-Qorti ssib lil min ippublikaha ħati
Jekk il-Qorti ssib lil parti ħatja ta’ malafama, tista’ tordna biex l-artiklu in kwistjoni jew il-parti malafamanti titneħħa minn fuq is-sit online u anke twaqqaf it-tixrid jew id-distribuzzjoni ta’ tali dikjarazzjonijiet.
Fl-istess waqt, jeħtieġ li l-persuna li nstabet bħala vittma tal-malafama għandu jkollha dritt ta’ risposta fi żminijiet partikolari stipulati. Dan id-dritt ta’ risposta għandu jkun ippubblikat mingħajr ħlas u fl-istess mod li bih kienet ġiet pubblikata oriġinarjament id-dikjarazzjoni. Tippreċiża wkoll iżda, li din qiegħda hemm għall-fini ta’ korrezzjoni u spjegazzjoni u mhux għal opinjonijiet differenti. Din għandha imbagħad tiġi ppubblikata sa massimu ta’ numru ta’ ġranet wara, skont it-tip ta’ mezz ta’ media li dehret fiha. Per eżempju f’każ ta’ xandira, din ir-risposta għandha tixxandar f’ħin li jilħaq l-istess ammont ta’ nies u l-ħin ikun id-doppju ta’ dik li fiha kien hemm l-ilment.
Azzjoni ta' malafama ma tistax tittieħed jekk tkun għaddiet sena mill-ħarġa tal-pubblikazzjoni
Il-persuna li tħossha li kienet ġiet malafamata b’xi kitba jew kumment, u trid tieħu azzjoni bil-Qorti dwar dan, trid titkellem fi żmien sena. Dan għaliex l-azzjonijiet isiru preskritti meta tkun għaddiet sena mid-data tal-pubblikazzjoni.
Il-familjari ta' persuna mejta jistgħu jieħdu azzjoni ta' malafama
Tista’ tittieħed azzjoni ta’ malafama fir-rigward ta’ persuna mejta, mill-familja diretta tiegħu, jiġifieri, ġenituri, aħwa jew ulied jew anke eredi, sa għaxar snin minn wara mewtu. Dan jgħodd biss jekk il-persuna tista’ tipprova li l-kummenti li saru affetwaw b’mod negattiv lir-reputazzjoni tiegħu.
Edituri ta’ gazzetta, servizzi ta’ xandir jew siti elettroniku, għandhom jirreġistraw bħala l-editur mar-Reġistratur tal-Media
Kull min hu editur ta’ gazzetta, servizz ta’ xandir jew sit elettroniku, għandu jirreġistra lilu nnifsu bħala l-editur mar-Reġistratur tal-Media, li se tkun persuna li tkun maħtura direttament mill-Prim Ministru. Jekk ma jsirx dan, l-editur jista’ jkun imġiegħel iħallas multa ta’ mhux iktar minn €1,000. Dan ir-reġistru għandu jinkludi fih id-dettalji tal-edituri u dettalji oħra li l-Prim Ministru jista’ jiddeċiedi dwarhom permezz ta’ regolamenti. Din l-informazzjoni tkun disponibbli għal kull min ikun irid jaraha, jekk iħallas miżata. Ir-Reġistratur se jkollu l-awtorità li jħassar minn fuq ir-reġistru kwalunwe sit, gazzetta jew servizz tax-xandir jekk dan ma jibqax jiġi ppubblikat jew jeżisti għal tliet xhur, skont it-tip ta’ gazzetta. Fil-każ tax-xandir, dan jiġi kkanċellat minn fuq ir-reġistru jekk ma jibqax ikun liċenzjat.
L-abbozz ta’ liġi jgħid ukoll li d-dritt tal-protezzjoni tas-sorsi li għandhom il-ġurnalisti jibqa’ japplika biss għal dawk li jkunu reġistrati mal-istess Reġistratur tal-Media.
Ħabs u multa għal kliem malafamanti jew dispreġġjattiv fil-konfront tal-President
Jekk jintuża xi kliem malafamanti jew dispreġġjattiv fil-konfront tal-President, u l-persuna tinstab ħatja, tista’ tintbagħat sa tliet xhur ħabs u tingħata multa ta’ mhux iktar minn €700. Fl-istess waqt, jekk persuna tinstiga lil ħaddieħor sabiex ineħħi l-ħajja jew il-libertà tal-President ta’ Malta jew ta’ xi Ministru’, jiszta’ jeħel sa disa’ snin ħabs u sa €5,000 f’multa.