Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab u jistaħba quddiem allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus. Il-konklużjonijiet li ħarġu mill-investigazzjoni li għamel il-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers, huma li l-indikazzjonijiet kollha juru li dan hu każ ċar ta’ ħasil ta’ flus.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami qal li d-dikjarazzjonijiet wara l-laqgħat li l-MEPs kellhom mal-Ministru Konrad Mizzi huma serji u gravi, u li minn tal-anqas jistħoqqilhom reazzjoni mill-Prim Ministru u mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Beppe Fenech Adami fakkar li diġà saret investigazzjoni mill-FIAU - l-aġenzija li tinvestiga l-frodi u l-ħasil ta’ flus - dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi, li iżda, l-konklużjonijiet tagħha ndifnu mill-Pulizija. “Wara li dan ir-rapport ta’ inkjesta għadda mill-FIAU lill-Pulizija, rajna biss ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u r-riżenja tad-Direttur Ġenerali tal-FIAU - imma l-ebda prosekuzzjoni,” qal Beppe Fenech Adami.
Hu sostna li issa, aktar minn qatt qabel, wara dawn id-dikjarazzjonijiet, l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jaħrab mill-emergency exit iżda għandu jitkellem b’mod ċar dwar x’tip ta’ investigazzjonijiet qed isiru, jekk hux qed isiru investigazzjonijiet, u x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar l-allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus mill-aktar żewġ persuni viċin tiegħu.
Intant, Id-Deputat Jason Azzopardi sostna li min jinstab ħati ta’ ħasil ta’ flus jista’ jeħel massimu ta’ 18-il sena ħabs u/jew multa ta’ massimu żewġ miljun ewro u nofs. “Hawnhekk mhux qed nitkellmu biss dwar responsabbiltà politika, iżda anke dwar każ serju ta’ kriminalità,” qal Jason Azzopardi. Hu sostna li sena wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, is-sitwazzjoni f’pajjiżna hi ferm agħar: Prim Ministru dgħajjef biex jieħu azzjoni, u bir-reputazzjoni ta’ pajjiżna nieżla ‘l isfel ma’ kull ġurnata li tgħaddi.