[Aġġornata bil-Filmat] Busuttil jammetti li ltaqa' ma' Silvio Debono 'numru ta' drabi'

...jgħid iżda li mhux se jħalli l-għajnuna li tat il-kumpanija ta' Debono tinfluwenzah - Busuttil se jwaqqaf Kummissjoni biex tipproponi bidliet fil-mod kif joperaw il-partiti

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil
Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Mumenti qabel ma ltaqa' mal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ammetta li ltaqa' mad-Direttur tal-kumpanija DB Silvio Debono. "Iltqajt ma' Debono numru ta' drabi, l-aħħar darba ftit ġimgħat ilu meta l-kumpanija kienet għamlet preżentazzjoni tal-proġett li se jsir fuq l-art tal-ITS," sostna Busuttil mal-ġurnalisti. Huwa kompla jgħid ukoll illi "ltqajna f'mumenti oħrajn" imma sostna li hu mhux se jkun influwenzat mill-għajnuna li hu konxju li Debono u l-kumpanija li jmexxi qed jagħti lill-PN.

Il-kumpanija DB, mmexxija minn Debono li kellu rabtiet mal-PN għal bosta snin, f'ittra b'risposta għall-kritika ta' Busuttil żvelat kif il-kumpanija kienet qed tħallas flus illi hi allegat li qed imorru biex iħallsu l-pagi tas-Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake kif ukoll dik tal-Kap Eżekuttiv Brian St John. Il-kumpanija DB allegat illi kien il-Partit Nazzjonalista li kien qed jitlob il-flus lilha u li mhux hi tat il-flus, min jeddha. 

Busuttil iżda ċaħad illi l-pagi ta' Thake u St John kienu qed jitħallsu minn Debono u sostna li r-relazzjoni bejn il-kumpanija DB, li tmexxi numru ta' lukandi u stabbilimenti madwar il-pajjiż, hija waħda kummerċjali marbuta mal-kumpanija li tmexxi l-mezzi tax-xandir tal-PN, Medialink. Fil-fatt il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq illi tal-flus li tat il-kumpanija DB, ħadet bl-istess valur f'riklami. DB qed tiċħad dan kollu u qed issostni illi s-sena l-oħra biss tat lil PN €77,000 biex tħallas pagi ta' uffiċjali tal-PN.

Intant, fid-dawl ta' kritika u anke pressjoni illi din il-kwistjoni tefgħet fuq il-Partit Nazzjonalista u fuq Busuttil innifsu, l-kap tal-PN ħabbar illi se jkun qed iwaqqaf Kummissjoni mmexxija, indipendentement mill-PN, minn Vanni Bonello li se tipproponi dik li hu sejħilha "bidla radikali fil-mod kif joperaw il-partiti, l-aktar il-finanzjament tal-partiti." 

Busuttil reġa' sostna li hu mhux se jkun mhedded jew rikattat u qal li dan it-taħwid mhux xogħolu, "this is not my mess" sostna Busuttil.

More in Politika