Jinħatru 52 Surġent tal-Pulizija...167 surġent ġdid fi tliet snin
Tnejn minn kull 10 pulizija huma nisa...b'total ta' 430 membru femminili fil-Korp
More in Politika
Tnejn minn kull 10 pulizija huma nisa...b'total ta' 430 membru femminili fil-Korp
Dalgħodu 52 membru tal-Korp tal-Pulizija, 45 raġel u 7 nisa, ingħataw l-ħatra ta’ surġent f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ppreseduta mill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Il-Ministru għall-Intern semma kif il-maġġoranza ta’ dawn is-surġenti ’l ġodda ser ikunu stazzjonati fid-distretti għal iżjed ħarsien tas-soċjetà. Innota kif il-Gvern jemmen fil-kariga ta’ surġent tant li taħt din l-amministrazzjoni laħqu 167 surġent wara li tal-inqas ikunu servew tliet snin servizz, jgħaddu mill-iskrutinju ta’ bord ta’ għażla, ikunu segwew it-taħriġ u għaddew mill-eżamijiet meħtieġa. Fi kliem il-Ministru Abela, “lir-rwol ta’ surġent hu meqjus bħala s-sinsla tal-Korp u għandu rwol kemm investigattiv, dixxiplinarju u amministrattiv”.
Huwa rrimarka li preżentament il-Korp tal-Pulizija għaddej minn riorganizazzjoni interna, li qed tara tisħiħ f’livelli differenti ta’ tmexxija. Huwa appella lis-surġenti sabiex ikunu l-katalisti tal-bidla u jaħdmu biex il-Korp ikun eqreb iċ-ċittadin. Hekk kif illum jimmarka wkoll il-Jum Internazzjonali tal-Mara, il-Ministru Abela saħaq fuq lir-rwol importanti tal-mara f’korp dixxiplinat modern. Qal li 20% tal-Korp tal-Pulizija, jiġifieri madwar 430 membru, huma nisa u dan in-numru meqjus bħala inkoraġġanti.
Żied jgħid li meta wieħed iħares lejn l-erba’ korpi dixxiplinati isib li madwar 560 membru huma nisa li jinkludu wkoll 96 mara suldat fl-Armata u 36 mara Uffiċjal Korrettiv. Dan ifisser li bħala persentaġġ; 12% tal-korpi dixxiplinati huma magħmulin min-nisa. Semma kif din il-figura tqawwi lill-Gvern biex ikompi jaħdem biex jinċentiva aktar nisa jaqbdu karriera dixxiplinata. Innota kif l-aħħar reklutaġġi wrew xejriet pożittivi fejn iżjed nisa qed jinteressaw ruħhom f’din it-tip ta’ vokazzjoni.
Il-Ministru Abela qal li llum il-mara f’korpi dixxiplinat qed jirnexxielha tikseb rwoli u responsabbiltajiet li tradizzjonalment huma assoċjati mas-sess maskili. Tkellem kif fil-fatt dawn qed jilħqu livelli għolja fejn sal-lum fil-Pulizija dawn laħqu sa livell ta’ Supretendent u fl-Armata sa livell ta’ Lt. Kurunell. Qal li l-Gvern ser ikompli joħloq aktar miżuri family friendly sabiex in-nisa jkunu jistgħu jilħqu bilanċ akbar bejn ix-xogħol tal-familja u l-avvanz fil-karriera tagħhom.