Il-Kumplessità tal-qagħda Ewropea

Mario Azzopardi jikteb dwar Katastrofi Ewropea li tista’ tissarraf fir-rebħa ta’ Le Pen fi Franza u pajjiżi bl-istess ideoloġija hekk kif l-iskoss tal-presidenza ta’ Trump qed jinħass anki fl-Ewropa fejn l-argumenti dwar ‘il-ħitan’ qed jiżdiedu...

Marine Le Pen: theddida tal-lemin estrem għall-Ewropa
Marine Le Pen: theddida tal-lemin estrem għall-Ewropa

Ix-xquq evidenti fl-Unjoni Ewropea komplew jitwessgħu wara Brexit. Il-partiti tal-lemin estrem komplew jisfidaw lill-Ewropa fuq is-sistema Trumpjana tal-populiżmu. Marine Le Pen, li l-Parlament Ewropew għadu kemm ivvota biex ineħħilha l-immunità parlamentari wara li tefgħet tweets bix-xbihat tal-kefrija tal-ISIL, ftit żmien ilu appellat f’Lyon li wasal iż-żmien li l-Franċiżi jerġgħu jsiru sidien ta’ darhom. “Dan tagħna mhux l-Amerika l-ewwel tal-President Trump, iżda kważi. Jekk jirbaħ il-partit tiegħi. Franza toħroġ mill-UE u min-NATO.” Il-programm ta’ Le Pen jinkludi (i) referendum dwar Frexit; (ii) miżuri kontra l-immigrazzjoni u (iii) skemi globali u kapitalisti.

Sadanittant, stħarriġ minn sondaġġ fl-Italja, protagonista tal-bosta salvataġġi fil-baħar Mediterran wera li “l-istaġun tal-empatija spiċċa.” Fl-Italja erba’ ċittadini minn kull għaxra jibżgħu mit-terroriżmu wara r-rekord ta’ sbarki li kien hemm fil-peniżola.

F’dan l-isfond kumpless, Berlin beda jeżerċita rwol li qatt ma ried jieħu qabel. Baqa’ jiddomina anke d-diskors dwar Ewropa tal-ewwel u t-tieni veloċità, diskors li għandu jilħaq il-qofol tiegħu fil-vertiċi ta’ Ruma dan ix-xahar.

Għal Romano Prodi, l-eks president tal-Kummissjoni, jeżisti l-periklu reali ta’ konkubinaġġ bejn Trump u Le Pen u jqishom bħala ż-żewġt uċuh tal-istess periklu. Prodi jsostni lil Angela Merkel fir-ras tal-UE bħala reazzjoni għall-populiżmu. Hu tal-fehma wkoll li l-Italja terġa’ tassumi rwol protagonista Ewropew, speċjalment wara dak li jista’ jseħħ fl-elezzjonijiet fi Franza u f’pajjiżi oħra ta’ tendenzi lemini estremi.

Il-problema tal-Italja, l-istess bħall-problemi f’membri oħra tal-Unjoni Ewropea, hi d-demoralizazzjoni taċ-ċittadini, li jħossuhom maqtugħin minn dak li jiġri f’istituzzjonijiet Ewropej

Il-problema tal-Italja, l-istess bħall-problemi f’membri oħra tal-Unjoni Ewropea, hi d-demoralizazzjoni taċ-ċittadini, li jħossuhom maqtugħin minn dak li jiġri f’istituzzjonijiet Ewropej.

Katastrofi Ewropea tista’ tissarraf fir-rebħa ta’ Le Pen fi Franza u pajjiżi bl-istess ideoloġija neo-faxxista. L-iskoss tal-presidenza ta’ Trump qed jinħass anki fl-Ewropa fejn l-argumenti dwar ‘il-ħitan’ qed jiżdiedu. B’xorti tajba, il-Kummissarju għall-Politika Barranija Ewropea Federica Mogherini qed twiegħed li l-Unjoni qatt mhi se tittollera l-ħitan.

Hu ċar li ċ-ċittadini kontinentali jridu Ewropa aktar soċjali għax hekk biss ikun eliminat il-periklu tal-ħitan u l-influwenza ta’ valuri kondiviżivi.

Skont Mogherini, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jridu jifhmu kemm għandhom bżonn l-immigrazzzjoni, ekonomikament, soċjalment u kulturalment.

Fil-perjodu tal-presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej, Malta qed tinsisti fuq pjan konkret dwar l-immigrazzjoni. Bħala riżultat, l-UE qed twiegħed fond addizzjonali ta’ 200 miljun ewro.

 

Is-sena kulturali Ewropea

Bis-sena kulturali Ewropea wara l-kantuniera, il-programm Valletta 2018 qed jissokta jistimula bidliet soċjali u ekonomiċi fl-irħula Maltin biex jissapportja l-aċċessibilità komunitarja madwar Malta u Għawdex.

Il-media qed timbotta esperjenzi li jinkoraġġixxu ċ-ċelebrazzjonijiet li jimmarkaw lil Malta bħala l-kapitali Ewropea tal-2018. Din se tkun immarkata minn programm vast edukattiv, letterarju, parteċipattiv, estetiku, mużikali u viżvalment attraenti.

Nisperaw li dawn mhumiex ftajjar fis-sħab.

Il-media qed tagħti pubbliċità lil skemi għal ħbiberiji ġodda li jippermettu lil Malta tidher taħt lenti differenti. Forsi l-aktar inizjattivi ċentrali huma dawk li jsostnu riżorsi u infrastrutturi fiżiċi. Iċ-ċittadini qed ikunu mistiedna biex matul l-2018 jieħdu sehem f’ċelebrazzjonijiet li jdumu għaddejjin sena sħiħa.

Kif diġà ntqal, l-attivitajiet jinkludu l-mużika, il-letteratura, id-disinn u ħafna aktar. Hemm anki attivitajiet għal tmiem il-ġimgħa maħsubin biex jiċċelebraw l-arti u l-kultura fil-forom kollha tagħha.

Il-media ħabbret li għall-2018 se jaslu artisti kontemporanji minn madwar id-dinja biex jesploraw il-kuntest u l-ambjent Malti.

Imma l-aqwa li jista’ jseħħ dwar Malta bħala Belt Kapitali tal-Kultura hu li jitħalla legat għat-tul. Hemm diskors f’bosta nħawi tal-media dwar programm tal-Fondazzjoni  Valletta 2018, imma d-diskors u l-katalgi kuluriti jridu jissarrfu f’komunikazzjoni b’viżjoni biex iċ-ċittadini jgawdu minn marka ta’ kwalità li sservi għat-tul ta’ żmien.

Ma jkun sewa xejn li l-programmi tal-Fondazzjoni Valletta 2018 ikunu ppakkjati f’serje ta’ attivitajiet li s-soltu nsegwu kull sena fil-kalendarju normali (Żiguzajg, il-Karnival, il-Ġimgħa tal-Festival tal-Film, tal-Moda, l-Għanafest, il-Festival tal-Barokk, tiżjin tat-triqat eċċ.)

 

Biex jidħqu l-Maltin?

Kemm kapaċi jidħqu bihom infushom il-Maltin? Skont Skjetti (TVM) 71% ta’ dawk intervistati qalu li kapaċi jidħqu bihom infishom filwaqt li 29% qalu le.

L-għażla tas-suġġetti fil-Karnival ta’ Malta kienet mill-aktar attenta biex ma turtax naħa jew oħra

Minn kummenti miġburin mit-triq kien hemm uħud inċisivi u penetranti (eż. fil-Parlament kulħadd kummidjant.) Iżda dan il-ġudizzju żgur li ma kienx rifless fil-Karnival ta’ din is-sena. Ngħidu aħna, l-għażla tas-suġġetti kienet mill-aktar attenta biex ma turtax naħa jew oħra.

Fil-programm saret analiżi tal-kategoriji tad-daħq l-aktar mifrux fost il-Maltin: minn dak sarkastiku sa dak isteriku u mxajtan.

F’Malta, minħabba li s-sess baqa’ għal snin twal tabù, is-sex jokes baqgħu abbundanti u ta’ spiss vulgari.

Hemm min għandu ħabta jidħaq bid-deni ta’ ħaddieħor. Sas-snin tletin tas-seklu li għadda kien isir il-Karnival tal-Boloh.

 

Xtra

Dan il-programm, ippreżentat fuq TVM minn Saviour Balzan, iwiegħed li ma “jħares lejn wiċċ ħadd” u l-wegħda ġeneralment tinżamm bis-saħħa ta’ ġurnaliżmu penetranti li f’Malta għandna bżonn ħafna aktar tat-tip tiegħu. Id-dinamika ta’ dan il-programm tiddependi ħafna mill-mod provokattiv ta’ kif Balzan kapaċi jwassal lill-mistednin tiegħu, ġeneralment politċi bi profil kontroversjali, f’cul de sac li diffiċli joħorġu minnu. Xtra tassew joffri materjal ekstra.

More in Politika