Il-Kummissjoni Elettorali tinvestiga l-allegati każi ta' ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti

Il-Kummissjoni ħabbret li qed taħtar bord investigattiv, bil-persuni mħabbra meta jkunu appuntati

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li qed taħtar Bord Investigattiv sabiex jinvestiga l-każijiet kollha li għandha quddiemha dwar allegati ksur tal-liġi tal-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li l-kompożizzjoni tal-Bord tkun mħabbra meta l-persuni jiġu appuntanti fil-ġranet li ġejjin.

Il-Partit Laburista min-naħa tiegħu akkuża lill-PN li kiser din il-liġi meta aċċetta donazzjonijiet mill-grupp db li jeċċedu l-ammonti stipulati li jistgħu jiġu aċċettati f'din il-liġi. Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kien qal li dawn il-flus kienu ngħataw bħala ħlas ta' servizzi mill-kumpanija tal-media tal-PN Media.Link, u li tagħhom ingħataw l-irċevuti u l-fatturi. Għaldaqstant, il-PL akkuża li dawn l-invoices li l-PN qed jgħid li nħarġu għal servizzi mogħtija, huma foloz. 

Il-Partit Nazzjonalista, talab lill-Kummissjoni Elettorali tinvestiga lill-Partit Laburista għaliex għadu ma rreġistrax ruħu bħala partit politiku mal-istess Kummissjoni, u għaldaqstant, il-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti ma tapplikax għalih. Il-PN akkuża wkoll lill-Gvern li diversi persuni li jaħdmu mal-istazzjon tal-Partit Laburista, qegħdin fl-istess waqt jitħallsu mit-taxxi tal-poplu.

More in Politika