Hekk kif ħarġu l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jidba x-xogħol fuq l-iskola tal-mediċina ta’ Barts f’Għawdex, illum bdew ix-xogħolijiet, bit twaqqiegħ ta’ numru ta’ strutturi antiki qabel jibda’ l-proċess ta’ tħaffir mill-ġimgħa li ġejja.
Ix-xogħol fuq il-pedament għandu jieħu madwar 8 ġimgħat u kif dan jitlesta jibda’ l-bini tal-istruttura li la darba tkun lesta, qed tkun deskritta deskritta bħala “state of the art” li se jpoġġuha fuq quddiem tal-faċilitajiet għall-edukazzjoni medika.
Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar ta’ VGH f’Għawdex, Dr Nadine Delicata spjegat li l-proġett Barts se jkun qed iwitti t-triq sabiex l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex isir faċilità edukattiva. Hija stqarret li l-evidenza turi, li meta sptar ikollu skola medika bħala parti minnu, l-kwalità tas-servizz mediku li jingħata jkun tal-ogħla livell.
Biex ma jkunx hemm problemi ta’ parkeġġ fuq is-sit, tħabbar ukoll servizz ta’ park and ride għall-pazjenti u l-ħaddiema, li se jsir bi sħab bejn l-Isptar u l-Ministeru għal Għawdex. Is-servizz se jkun qed jopera bejn l-Isptar u l-grawnd tal-‘Malta Dairy Products’ fix-Xewkija mit-Tnejn 20 ta’ Marzu, bejn is 6:30 ta’ filgħodu u s-19:30 ta’ filgħaxija, kuljum minbarra l-Ħdud u l-Festi Kmandati.