Id-Deputat Laburista u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia, f’artiklu fuq il-gazzetta ILLUM indika li ma jaqbilx ma’ kwoti ta’ nisa fil-Parlament, u f’sensiela ta’ mistoqsijiet retoriċi, l-istess Farrugia staqsa jekk kwota ta’ kemm ikun hemm nisa fil-Parlament hux se tħarbat il-prinċipji demokratiċi.
Fl-artiklu li deher nhar il-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta ILLUM Farrugia jistaqsi, “Kieku kellhom ikunu introdotti l-kwoti ... ma taħsbux li nkunu qed inħarbtu l-prinċipji ewlenin li jħarsu l-għeruq tad-demokrazija rappreżentattiva? ... Jekk nassumu li l-kwoti huma soluzzjoni korretta ma taħsbux li aħna lkoll ma qegħdinx nerfgħu r-responsabilità u l-obbligi tagħna kemm kemm suppost biex nirrapreżentaw, nassistu u nsaħħu r-rwol tal-mara fil-ħajja pubblika? Ma taħsbux li dan il-kunċett għandu jevolvi b’mod ħieles?”
Id-Deputat Laburista jistaqsi jekk għandniex ninfurzaw privileġġ “speċjali” biex nassuguraw l-ugwaljanza.
Intant l-artiklu, ta’ Farrugia jiġi wara eżerċizzju li għamlet l-istess gazzetta ILLUM u li fiha staqsiet lid-Deputati nisa u kkwotat lil Marlene Farrugia u l-Ministru Helena Dalli, li kienu diġa tkellmu fil-pubbliku, dwar il-kwistjoni tal-kwoti. Id-Deputati nisa kollha li tkellmu mal-ILLUM, filwaqt li qablu li l-kwoti jistgħu jkunu ‘a necessary evil’, xorta saħqu li dan mhux l-ideal.
Intant il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata wkoll illi kienu bosta mill-Grupp Parlamentari Laburista li saħqu illi dwar din il-kwistjoni jeħtieġ ikun hemm diskussjoni aktar wiesà qabel ma proposta simili tkun parti mill-programm elettorali tal-Partit Laburista.