Filmat | 'Il-Partit Laburista qiegħed minn fuq u m'għandux bżonn koalizzjonijiet'
- Michael Briguglio jgħid illi l-unika mod kif partit żgħir jitla' fil-Parlament huwa permezz ta' koalizzjoni
- Jammetti li kellu differenzi ma' Arnold Cassola u Carmel Cacopardo fil-passat
- Jgħid li għandu jkun hemm koalizjoni AD-PD-PN
minn Albert Gauci Cunningham
Bħalissa huwa kważi meħud bħala fatt li teżisti ċerta apatija u saħansitra diżillużjoni fost settur kbir ta’ votanti, għalkemm dan beda jonqos hekk kif beda tiela’ d-deni elettorali. Settur ta’ nies qed iħossu li xebgħu mill-politiċi u miż-żewġ partiti ewlenin. Il-loġika lili tgħidli li bħalissa suppost huwa l-mument li fih ikollok ‘nixxiegħa’ kontinwa ta’ voti sejrin għand il-partiti iż-żgħar. Dan ma jidhirx li qed jiġri. Għalfejn?
“Jekk wieħed jieħu elezzjonijiet tal-passat, isib li ġeneralment ikun hemm xejra favur il-partiti il-kbar,” jibda jwieġeb Michael Briguglio f’intervista mal-gazzetta ILLUM. “Hemm raġunijiet diversi għal dan, fosthom il-kunċett tal-‘vot moħli’. Faxxa ta’ nies jistgħu jaqblu ma’ partit żgħir, imma jibżgħu li l-vot jinħela u għalhekk, jgħin lill-partit li ma jkunux iridu fil-Gvern. Ma tagħtix tort nies jaħsbu hekk...”
“Imma hemm mod kif tista’ tegħleb dan,” jibda jipproponi Briguglio mal-ILLUM, “persuna tista’ tagħti n-numru wieħed lill-partit kbir li tixtieq li jkun fil-Gvern jew biex il-partit l-ieħor ma jkunx, imbagħad tkompli fuq partiti ż-żgħar.”
Mhux qed ngħid li l-AD għandha tagħmel koalizzjoni, qed ngħid li għandha tikkunsidraha Michael Briguglio
Mistoqsi jekk hux beħsiebu jagħmel hekk hu nnifsu, Briguglio dlonk saħaq li hu jappartjeni għall-Alternattiva Demokratika u kompla jispjega li mod ieħor kif tkun megħluba l-biża’ hija billi l-partiti ż-żgħar jesploraw il-possibbiltajiet ta’ koalizzjoni. “B’hekk il-vot ma jinħeliex għax in-‘numru 2’ ikompli fuq il-membri tal-koalizzjoni, għalhekk jispiċċa l-kunċett tal-vot moħli.”
‘L-AD m’għandhiex teskludi koalizzjoni’
L-ILLUM tfakkar li bħalissa suppost għaddejja diskussjoni għal koalizzjoni bejn Marlene Farrugia u l-PN. Imma hemm l-AD ukoll. Wasal iż-żmien li l-AD tidħol f’koalizzjoni wkoll? Briguglio, li kien imexxi lill-istess partit għal erba’ snin, iħoss li “l-AD m’għandha teskludi xejn, inkluż li tinnegozja l-possibbiltà ta’ koalizzjoni. Vera, li hemm riskji,” jammetti Briguglio probabbilment konxju li mhux kulħadd fl-AD huwa eċitat bi prospetti ta’ żwieġ politiku, “fosthom riskji ta’ identità, riskju li partit żgħir jinbela, imma mhux kollox fih ir-riskji? Ma jirriskja xejn min ma jagħmel xejn,” jgħid Briguglio li jisħaq li f’dan il-każ, l-AD għandha tikkunsidra kemm ir-riskji kif ukoll l-opportunitajiet li toffri koalizzjoni.
Huwa jgħid li diskussjonijiet dwar koalizzjoni saru qabel u kien hemm mumenti wkoll fejn ir-riskju ħadem kontra l-AD, fosthom isemmi l-mument meta l-PN kien ta direttiva fl-elezzjoni tal-2003 biex in-Nazzjonalisti ma jagħtux duwijiet lill-AD. “Mhux qed ngħid li l-AD għandha tagħmel koalizzjoni, qed ngħid li għandha tikkunsidraha.”
Il-PL m’għandux bżonn koalizzjonijiet
L-ILLUM tistaqsi lil Briguglio, jekk l-AD ma teskludix li tidħol f’koalizzjoni, ma’ liema partit iħoss li din il-koalizzjoni tista’ taħdem l-aktar? Mal-Partit Nazzjonalista jew mal-Partit Laburista?
“Preżentament, il-Partit Laburista m’għandux bżonn koalizzjoni għax qiegħed minn fuq fis-sondaġġi,” jgħid Briguglio li jisħaq kif skontu, il-koalizzjoni mhix fil-“kultura Laburista” u jgħid li Muscat, qabel sar Mexxej tal-PL kien staqsieh jekk iridx li l-AD tissieħeb bħala fergħa jew struttura fil-PL.
Idur fuq il-PN u jgħid li s-sondaġġi qed juru li, “illum dan il-partit jidher li biex jirbaħ irid ikabbar il-bażi tal-votanti tiegħu, min-naħa l-oħra,l-unika mod biex il-partiti ż-żgħar, u qed nirreferi għall-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku jkunu fil-Parlament, huwa permezz ta’ koalizzjoni.”
L-AD u l-PD jeħtieġu koalizzjoni biex jitilqgħu fil-Parlament
Briguglio qal li l-PN tilef ċerta leġittimità fuq id-diskussjoni dwar il-governanza minħabba l-każ db, u f’koalizzjoni, “il-partiti ż-żgħar jistgħu jiġbdulu widnejh. Il-partiti ż-żgħar, għandhom il-kwistjonijiet it-tajbin bħall-governanza, l-ambjent u kwistjonijiet soċjali imma jafu li kważi impossibbli li jitilgħu fil-Parlament waħedhom.”
L-unika mod li l-Greens f’Malta jistgħu jkunu parti mill-gvern huwa f’koalizzjoni mal-liberali jew maċ-ċentru lemin Michael Briguglio
L-ILLUM tiċċara jekk hux qed jgħid allura li l-aktar koalizzjoni possibbli bħalissa tal-AD hija mal-PN, bi Briguglio jwieġeb fl-affermattiv. “Minħabba l-kuntest li qegħdin fih.”
Dakinhar tal-intervista, preċiżament dak il-ħin, kienu qed joħorġu r-riżultati uffiċjali tal-ewwel elezzjoni ġenerali fl-UE għal din is-sena li kienet ferm mistennija, dik fl-Olanda.
“Fl-Olanda, il-Partit tal-Ħodor Ewropej għadu kif għamel rebħa storika. Minn 2% żied il-vot tiegħu għal 11%. Irridu nkunu konkreti,” jgħid Briguglio filwaqt li jerġa’ jaqleb id-diskors fuq ix-xena lokali. “L-unika mod li l-Greens f’Malta jistgħu jkunu parti mill-gvern huwa f’koalizzjoni mal-liberali jew maċ-ċentru lemin,” sostna Briguglio.
Allura x’qed iżomm lill-AD milli jagħmel dan? “Staqsi lit-tmexxija tal-AD,” tkun ir-risposta ta’ Briguglio li filwaqt li jerġa’ jirrikonoxxi li hemm riskji u filwaqt li kien hemm żmien meta hu stess kien kontra koalizzjoni mal-PN fiż-żmien meta Harry Vassallo kien Chairperson, xorta jgħid li jekk ġenwina, koalizzjoni għandha tkun ikkunsidrata.
‘Żgur li mhux se noħroġ għall-elezzjoni ġenerali li ġejja’
Jingħad li r-relazzjoni bejn Briguglio u Arnold Cassola/Carmel Cacopardo mhux waħda tajba. Veru? “Aħna tliet karattri differenti...u iva, meta kont mexxej kelli differenzi ma’ Cassola u Cacopardo,” jammetti Briguglio anke jekk jgħid li kien hemm diversi punti li fuqhom kien hemm qbil.
Imma se jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali? Briguglio jwieġeb fin-negattiv, “żgur mhux se noħroġ għall-elezzjoni imma se nerġa’ noħroġ għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.” Apparti li kien imexxi l-istess partit, Briguglio huwa Kunsillier f’isem l-Alternattiva Demokratika, fil-lokalità ta’ Tas-Sliema.
Briguglio jgħid li l-politika mhix biss il-mexxej, u hu bħalissa jippreferi li jagħti kontribut, “biex nipproponi affarijiet li jistgħu jkunu aktar innovattivi, bħal din tal-koalizzjoni, anke jekk mhux kulħadd se jaqbel.”
Dwar l-elezzjoni jgħid li din se tmur skont fejn se jmorru l-voti ta’ dawk in-nies li huma indeċiżi.
(Din hija l-ewwel parti tal-intervista li dehret il-Ħad li għadda fuq il-gazzetta ta' kull nhar ta' Ħadd l-ILLUM)