Il-Moviment Graffitti ħareġ stqarrija fejn qalu li jinsab iddiżgustat, iżda mhux sorpriż, bil-pjanijiet tal-MIDI li Manoel Island jiġi mibdul fi spazju kummerċjali għall-użu esklussiv tas-sinjuruni.
Il-Masterplan preżentat mill-MIDI jinkludi pjanijiet inkwetanti bħat-trasformazzjoni ta’ waħda mill-isbaħ fortizzi f’Malta, il-Forti Manoel, f’lukanda ta’ lussu, li parti kbira mill-gżira tingħalaq b’fence u li l-baħar u l-kosta tal-madwar jimtlew jottijiet li se jagħmluha impossibli għan-nies komuni li jużaw dan l-ispazju. Wara li għal snin twal illegalment ċaħħdu lin-nies milli jgawdu dan il-post, issa l-MIDI jridu jeqirdu l-Manoel Island darb’għal dejjem.
Il-MIDI għadhom ukoll qed jagħlqu illegalment l-aċċess għal dan il-post matul il-ġimgħa minkejja l-wegħda tagħhom li jkun hemm aċċess sħiħ. F’Settembru li għadda l-Moviment Graffitti flimkien m’attivisti oħra u organizzazzjonijiet involuti fil-Kamp Emerġenza Ambjent qatgħu il-fence li illegalment għalqet l-aċċess għal Manoel Island tul dawn l-aħħar 16-il sena. Huwa kompletament inaċċettabbli li, barra li qed illegalment jagħlqu l-aċċess għall-pubbliku, il-MIDI issa jridu wkoll ibiddlu dan il-post popolari fi spazju għal ftit sinjuri.
M’aħniex se naċċettaw li spazju daqshekk importanti u ta’ valur storiku jiġi meqrud mill-ispekulaturi li moħħhom biss biex jaħtfu iktar ġid, u se nieħdu azzjoni sabiex inwaqqfu din il-ġennata.
Il-Moviment Graffitti jgħid li Manoel Island għandu jsir park nazzjonali f’żona li esperjenzat żvilupp salvaġġ tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin.