Briguglio: Ma jidhirx li l-PN se jirkupra mid-'daqqa ta' ponn tad-db'
Michael Briguglio jaħseb li l-PN qala' daqqa ta' ponn politika bil-każ db...jgħid li eżeġerazzjoni li d-demokrazija hija mhedda u jisħaq ukoll li l-ekonomija mhux bilfors trebbaħ elezzjoni
minn Albert Gauci Cunningham
Waqt intervista mal-gazzetta ILLUM il-Kunsillier u eks-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Michael Briguglio jisħaq li dwar il-kwistjoni tad-donazzjonijiet mill-kumpanija db lill-Partit Nazzjonalista bosta nies li tkellmu miegħu, anke nies attivi sew fil-PN, “ma ħadu gost assolutament xejn b’dan il-każ, oħrajn li tkellimt magħhom fosthom floaters, ħassewhom ixxukkjati li l-PN aċċetta dawn il-flus.”
“Din żgur kienet daqqa ta’ ponn kbira għal diskors dwar koalizzjoni u ċ-ċansijiet għall-PN, pero f’logħba wrestling, jista’ jkun li terġa’ tqum, tirkupra u tirbaħ ukoll, għalkemm,” żied jgħid li “s’issa ma jidhirx li hu l-każ.”
Għad-difiża ta’ Busuttil, Briguglio jgħid li l-Kap tal-PN “kellu punt meta qal li hu mhux qed ikun (politikament) affetwat għax ngħata dawn il-flus. Naqbel ukoll ma’ Carmel Cacopardo meta fil-blogg tiegħu qal li l-PN irid verament juri li mhu fil-but ta’ ħadd u li se jkun trasparenti.”
Dwar l-immaġini tal-Kap tal-PN wara din is-saga, Briguglio qal li għandu ħsibijiet differenti. “Inħoss li Busuttil għaġġel wisq, anke jekk inħoss li għamel argument tajjeb meta saħaq li mhux għall-bejgħ.”
Finanzjament mill-Istat u deputati full time
Intant iżda Briguglio jmur pass oltrè mill-kwistjoni purament politika u jfakkar li dan il-każ wera bl-aktar mod ċar li jeħtieġ isiru bidliet fis-sistema ta’ kif il-Partiti jingħataw il-mezzi finanzjarji biex ikunu jistgħu joperaw.
Konsonanti ma’ dak li qed tgħid l-Alternattiva Demokratika, Briguglio jħoss li pajjiżna jeħtieġ iħares lejn sistema ta’ finanzjament mill-Istat, jiġifieri sistema li titħaddem f’pajjiżi bħall-Ġermanja u li permezz tagħha kull partit jingħata flus mill-Istat, fosthom skont kemm ikun ġab voti fl-elezzjoni ta’ qabel.
Briguglio jgħid ukoll li wasal iż-żmien li d-Deputati Parlamentari Maltin ikunu full-time. “Ma rridx ninstema’ li qed ngħid li għandna deputati mhux kapaċi, imma ċerta deputati, meta tismagħhom tinduna li diskorshom mhux riċerkat. Għalfejn? Għax jekk dan huwa avukat jew tabib jew perit, kif se jagħmel ir-riċerka? F’liema ħin?” jistaqsi retorikament Briguglio mal-ILLUM.
‘Hija eżaġerazzjoni li d-demokrazija hija mhedda’
Ftit wara l-famuż każ tas-sekwestru mill-Minstru Chris Cardona fuq Daphne Caruana Galizia, il-PN beda kampanja għax skontu, id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni huma mhedda. Hemm min jaqbel u hemm min jgħid li din parti minn strateġija elettorali, Briguglio x’jaħseb? “Naħseb qed jeżaġera dwarha din, eżaġerazzjoni li ngħidu li l-libertà hija mhedda. Dan anke jekk jien kont wieħed mill-ewwel nies li kkritikajt ir-reġistrazzjoni tas-siti onlajn,” qal fid-dawl tal-proposti għall-bidliet fil-Liġi tal-Istampa.
Għal ftit mumenti, nitkellmu dwar ir-reġistrazzjoni tas-siti li kienet proposta u nfakkru li din kienet sempliċiment se tagħmel fuq is-siti dak li diġà jeżisti fuq mezzi oħrajn tax-xandir. “Hekk hu, imma meta tħares lejn l-istampa l-kbira u l-mottiv, tinduna li kien hemm xi ħaġa mgħaġġla, bħala reazzjoni għal dak li qalet ċerta blogger. Minkejja dan, il-Gvern neħħa din il-proposta u ta’ dan ninżalu l-kappell.”
‘L-ekonomija sejra tajjeb, imma mhux neċessarjament trebbaħ elezzjoni’
Nippreżentalu fatt u argument. L-istatistika, kemm lokali imma anke Ewropea turi bl-aktar mod ċar li l-ekonomija Maltija bħalissa tinsab si stat ta’ saħħa tajjeb ħafna. Malta qed tesperjenza tkabbir ekonomiku qawwi, tkabbir fil-qasam tal-impjiegi, qgħad baxx, defiċit li qed jonqos u turiżmu rekord. Jidher li erba’ snin wara l-elezzjoni, l-idea li l-PN biss kapaċi jmexxi l-ekonomija rrendiet lilha nnifisha fi ħrafa.
L-argument: Ikun hemm min jgħid ‘u issa l-pajjiż sejjer tajjeb, jien qed naqla’ iktar jew dak il-permess li ma jikser ebda liġi fl-aħħar ħareġ, x’nivvota PN nagħmel? Klikkek bi klikkek nibqgħu b’din il-klikka għax Malta sejra tajjeb.’
Kemm jaħseb Brigiuglio li din in-narrativa hija komuni? “S’issa jidher li dik hija n-narrtiva prevalenti u li qed tikkonvinċi lin-nies. Hekk juru l-istħarriġ tal-Maltatoday. Għalkemm wieħed irid jikkunsidra wkoll li fl-istħarriġ, ħafna mhux qed jgħidu xi jħossu.”
Dwar l-ekonomija, Briguglio filwaqt li jirrikonoxxi li l-ekonomija sejra tajjeb, jgħid li s-setturi ekonomiċi ġodda għadhom ma bdewx f’pajjiżna. “Il-Labour ikkonsolida dak li sab, li minnu nnifsu hija xi ħaġa pożittiva u turi li l-PN kien żbaljat meta qal li bil-Labour se mmorru gas down ġol-ħajt. Hemm kontradizzjonijiet ukoll, iżda,” jisħaq Briguglio. Huwa jgħid li l-pajjiż huwa wisq dipendenti fuq setturi bħall-kostruzzjoni u kwistjonijiet bħall-faqar għadhom pressanti.
“L-ekonomija mhux dejjem trebbaħ l-elezzjoni. L-aħħar elezzjoni il-PN tilifha mhux minħabba l-ekonomija, li komparattivament kienet sejra tajjeb, tilifha għax kien wisq arroganti u kien ilu fil-Gvern. Imma vera,” kompla Briguglio, “in-narrattiva tal-ekonomija tidher li hija prevalenti, anke jekk nemmen li n-narrativa tal-governanza mistennija tħalli effett fuq ir-riżultat.”