Waqt żjara fl-Iskola Primarja Santa Tereża f’Birkirkara l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-istudenti huma mezz kif l-adulti jitgħallmu japprezzaw iktar lil pajjiżhom u lill-ambjent ta’ madwarhom. Il-Ministru spjega li l-kampanja ‘Apprezza’ hi essenzjali fil-qasam edukattiv minħabba li tinċentiva lill-istudenti b’mod kreattiv sabiex jagħtu aktar valur lil Malta u lil Għawdex bħala gżejjer turistiċi.
L-għan ewlieni tal-kampanja ‘Apprezza’ hu li twassal messaġġi edukattivi lill-istudenti tal-primarja dwar l-importanza tat-turiżmu għal pajjiżna filwaqt li jkunu jistgħu japprezzaw il-prodott turistiku Malti. Dan isir b’diversi modi fosthom b’kotba edukattivi bil-Malti u bl-Ingliż, permezz tal-karattru ta’ Turu l-Qarnita. B’hekk it-tfal jibdew isiru ambaxxaturi fl-oqsma tat-turiżmu u tal-ospitalità ta’ pajjiżhom, u fl-istess waqt ikunu kburin bil-gżejjer Maltin, żied il-Ministru Zammit Lewis.
B’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u d-Drama Unit, għall-ewwel darba din is-sena qed jitwasslu messaġġi edukattivi dwar Malta, dwar il-kultura Maltija u dwar l-ambjent, permezz ta’ attivitajiet kontinwi fl-iskejjel.
Fis-sessjoni mal-istudenti tal-primarja f’Birkirkara kien hemm l-involviment tal-qari ta’ storja b’rabta mal-baħar bl-iskop li l-istudenti jiddaħħlu fil-maġija tar-rakkont u jħossuhom parti minnu. L-idea ewlenija wara stejjer simili tkun li t-tfal isiru aktar konxji ta’ x’inhuma l-konsegwenzi ta’ meta l-ambjent ma jinżammx nadif u li b’konsegwenza ta’ hekk iħalli impatt fuq il-prodott turistiku Malti.
Waqt l-attività l-Ministru Zammit Lewis spjega lill-istudenti kemm hu “importanti li nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna, għax minnu ngawdu kemm aħna u kemm it-turisti li jżuru pajjiżna. Għalhekk tajjeb li kulħadd jagħmel l-almu tiegħu biex inżommu l-ambjent ta’ madwarna kemm jista’ jkun nadif”.