34,000 ħaddiem barrani jaħdem Malta... 73% minnhom mill-UE
It-Taljani, l-Ingliżi u l-Bulgari l-akbar komunitajiet ta’ barranin f’Malta
minn Ruben Anthony Xuereb
Fl-2016, in-numru ta’ barranin reġistrati biex jaħdmu Malta kien ftit aktar minn 34,000. Minkejja l-għajta ta’ allarm li f’pajjiżna hawn din iż-żieda enormi ta’ ħaddiema minħabba l-immigranti li jidħlu minn pajjiżi tal-Afrika, il-fatt huwa li 27% biss ta’ dawn il-ħaddiema ġejjin minn pajjiżi lil hinn mill-Unjoni Ewropea. Minn dawn is-27%, wieħed tajjeb li jikkunsidra wkoll li hemm ħaddiema minn pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Awstralja u l-Istati Uniti u mill-Filippini, li nfatti huwa l-aktar pajjiż barra mill-UE li minnu hawn ħaddiema jaħdmu f’Malta, b’total ta’ 1,625.
Li Malta hawn ħafna Filippini, la huwa sigriet u lanqas sorpriża, hekk kif in-numru kbir ta’ Filippini li jaħdmu bħala carers jew housekeepers qiegħed dejjem jiżdied. Sfortunatament, iż-żieda tiġi bl-istess proporzjon ta’ rapporti dwar il-pagi baxxi li jitħallsu, fosthom offerti ta’ pagi taħt dik minima nazzjonali bl-iskuża li jgħixu mal-familja li tħaddimhom, jew bħalma rrapportat l-ILLUM stess fil-ħarġa tat-22 ta’ Jannar li għadda, abbord tad-dgħajsa li jaħdmu fuqha bħala sajjieda.
Wara l-Filippini, l-aktar nazzjonalità li minnha hawn ħaddiema f’pajjiżna hija dik Serba, b’1,380 ħaddiem irreġistrat.
Mit-total ta’ 9,042 ħaddiem minn pajiżi ’l barra mill-UE, kien hemm 387 persuna li kienu jaħdmu bħala self-employed; 290 raġel u 97 mara.
Filwaqt li għal pajjiż żgħir bħal Malta, madwar 9,000 barrani minn pajjiżi mhux Ewropej tista’ titqies bħala ċifra għolja, mhi xejn meta mqabbla mal-25,115 ħaddiem minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea reġistrati biex jaħdmu f’dawn il-gżejjer sal-aħħar tal-2016. Biex titpoġġa f’perspettiva aħjar, hawnhekk qed inħarsu lejn numru ta’ nies iktar mir-residenti tal-aktar belt popolata f’Malta, Birkirkara, li fiha jgħixu madwar 22,000 persuna. Ta’ min ukoll jikkunsidra li 25,115 huma l-persuni reġistrati li jaħdmu. Iċ-ċifra ma tgħoddx il-membri l-oħra tal-familja, fosthom tfal.
Mill-25,115 ħaddiem Ewropew f’pajjiżna, 2,958 jaħdmu bħala self-employed. Minn dawn kien hemm 1,748 raġel u 1,210 mara.
It-Taljani l-akbar numru ta’ barranin jaħdmu f’pajjiżna
L-aktar pajjiż Ewropew li minnu ġew ċittadini jgħixu u jaħdmu Malta, kien l-Italja. Sal-aħħar tal-2016 kien hawn xejn inqas minn 5,724 Taljan jaħdem Malta, numru akbar mill-ammont ta’ residenti ta’ wħud mill-irħula ż-żgħar ta’ Malta. Avolja daqt joħorġu mill-UE, għalissa nistgħu ngħoddu wkoll iċ-ċittadini Britanniċi wkoll, li jammontaw għal 4,218 jaħdmu f’Malta. Din iċ-ċifra ma tgħoddx in-numru kbir ta’ anzjani li għażlu li jirtiraw f’pajjiżna.
Mill-Bulgarija, għandna 2,187 persuna taħdem f’Malta, u minn pajjiżi bħall-Ġermanja, Spanja, Żvezja, Slovenia, Ungerija u Rumania in-numru jaqbeż l-elf.
Dawn iċ-ċifri, minbarra li jikkonfermaw li f’dan il-pajjiż ċkejken tagħna, għandna sitwazzjoni ta’ ffullar u numru eċċessiv ta’ residenti, jagħtu wkoll risposta lil kull min joħroġ b’għajtiet ta’ ‘invażjoni’ u ‘push-back’ kull darba li jisimgħu l-kelma Afrika. B’differenza ta’ madwar 16,000 aktar Ewropej li ġew joqogħdu Malta, jekk xi ħadd għandu jitkellem dwar invażjoni, tajjeb li jħares aktar qalb dawk l-istilel ileqqu fuq sfond blu li jifformaw l-Unjoni Ewropea, u li bil-liġijiet tal-libertà ta’ moviment tagħha, li dwarhom ebda Gvern ma jista’ jieħu ebda pass, sal-aħħar tal-2017 iċ-ċifri jistgħu jkunu ikbar.
L-aktar 10 pajjiżi li minnhom hawn nies jaħdmu f'Malta
Iċ-ċifri ta’ ħaddiema msemmijin tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, bħala parti minn tweġiba għal mistoqsija Parlamentari mressqa lilu mid-Deputat Carmelo Mifsud Bonnici.