Ħatra ta’ Nunzju Appostoliku ġdid għal Malta

L-E.T. Mons. Alessandro D’Errico maħtur nunzju appostoliku għal malta

IIlum, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħatar lill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Alessandro D’Errico, Arċisqof Titulari ta’ Carini u fil-preżent Nunzju Appostoliku fil-Kroazja, bħala Nunzju Appostoliku għal Malta.

Mons. Alessandro D’Errico twieled f’Frattamaggiore f’Napli l-Italja, fit-18 ta’ Novembru 1950. Ġie ordnat saċerdot fl-24 ta’ Marzu 1974 u ħadem fid-Djoċesi ta’ Aversa. Għandu Dottorat fil-Filosofija.

Huwa studja fl-Akkademja Pontifiċja Ekklesjastika f’Ruma u ngħaqad mas-Servizz Diplomatiku tas-Santa Sede fil-5 ta’ Marzu fl-1977. Serva fin-Nunzjatura tat-Tajlandja, l-Brażil u l-Greċja. Wara serva fil-Prefettura della Casa Pontificia, u wara kien rappreżentant tal-Papa fl-Italja u l-Polonja.

Fl-14 ta’ Novembru tal-1998 inħatar Arċisqof Titulari ta’ Carini u Nunzju Appostoliku fil-Pakistan. Fil-21 ta’ Novembru 2005 nħatar Nunzju fil-Bożnija-Ħerzegovina. Fis-17 ta’ Frar 2010 nħatar Nunzju fil-Montenegro. Fil-21 ta’ Mejju 2012 nħatar Nunzju fil-Kroazja.

Mons. D’Errico, bħala rappreżentant tal-Papa, għandu r-responsabilità li jirrappreżentah mal-Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll mal-awtoritajiet ċivili. Huwa wkoll id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għar-Repubblika ta’ Malta.

Id-dmir tiegħu hu li jkun ta’ għajnuna għall-Isqfijiet, isaħħaħ l-għaqda mas-Sede Appostolika u jmexxi ’l quddiem ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Gvern ta’ Malta.

More in Politika