€400,000 oħra għal-skema biex jinxtraw karozzi jniġġsu inqas

Transport Malta terġa’ titfaħ l-iskema li tinċentiva x-xiri ta’ karozzi ġodda li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent

Wara s-suċċess tal-‘iscrappage scheme’ imnehdija f’Jannar 2017, Transport Malta qed testendi din l-iskema wara li l-Gvern alloka €400,000 oħra.

Transport Malta se tkun qed tilqa’ iżjed applikazzjonijiet għal din l-iskema li ser jiġu proċessati fuq bażi ta’ ‘first come first serve’.  L-għan ta’ din l-inizjattiva hu biex aktar nies jeħilsu mill-vettura antika tagħhom u jinvestu f’waħda li tniġġes anqas.

515-il vettura diġa’ ibbenefikaw mill-iskema oriġinali ta’ €400,000 bejn Jannar u April 2017.

Is-sidien tal-vetturi li applikaw għall-iskema kienu intitolati għal bejn €700 u €900 meta xtraw vettura M1 ġdida u fl-istess ħin jiggaraxxjaw vettura fl-istess kategorija. Vettura M1 hija maħsuba u mibnija għall-ġarr ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq, b’livelli ta’emissjonijiet CO2 sa 130g/km, tul li ma jaqbiżx l-4460mm u liċenzjata biss għall-użu privat.

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jistgħu jinġabru mill-‘Vehicle Licensing Unit’ ta’ Transport Malta li jinsab A3 Towers, Paola jew inkella fuq is-sit  http://www.transport.gov.mt/land-transport.

L-iskema biex tinċentiva x-xiri ta’ vetturi u kwadriċikli elettriċi jew hybrid għadha fis-seħħ.

More in Politika