Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar li mal-235 ħaddiem tal-Wasteserv li jaħdmu mal-kuntrattur se jkunu qed jinqelbu minn kuntratt definit għal wieħed indefinit.
“Dan ifisser aktar stabbiltà u serħan il-moħħ għal 235 familja li l-għajxien tagħhom jiddependi mill-Wasteserv”, qal il-Ministru Herrera meta kmieni filgħodu kien qed jindirizza lill-management u l-ħaddiema, kif ukoll rappreżentanti tagħhom f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Bale Section tal-Impjant tar-Riċiklaġġ ta’ Wied il-Għajn. F’dan l-impjant tar-riċiklaġġ, il-ħaddiema tal-Wasteserv jittrattaw mat-350 tunnellata ta’ skart riċiklabbli fil-ġimgħa.
Il-Ministru Herrera fakkar li l-Gvern, matul l-aħħar xhur, biddel drastikament il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Wasteserv, u dan għall-aħjar billi ġie eliminat il-prekarjat, u minn kuntratt ta’ sitt xhur ingħataw wieħed ta’ tliet snin u li issa se jinqeleb għal wieħed indefinit.
Il-Ministru Herrera rringrazzja liż-żewġ unions, il-UĦM u l-GWU, li kkollaboraw u ħadmu bi sħiħ biex dan il-ftehim ikun jista’ jsir. Hu rringrazzja lill-kumpanija Wasteserv għax-xogħol imprezabbli li qed tagħmel, kemm fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart kif ukoll l-inizjattivi li qed tieħu li jikkumplimentaw il-viżjoni tal-Gvern.
Ambjent b’saħħtu għal ħajja aħjar seta’ jitwettaq ukoll għaliex il-Wasteserv indirizzat waħda mill-akbar sfidi li għandu l-pajjiż, li huwa l-iskart, kemm permezz ta’ miżuri diretti li ħadet, kif ukoll b’kampanji li ma jaqtaw xejn li jippromwovu l-messaġġ biex ma jinħelix l-iskart.
Il-Ministru Herrera awgura lill-Wasteserv kull suċċess għall-open days f’Tal-Kus, Għawdex u l-‘Malta North’ li se jsiru nhar il-Ħadd li ġej u l-Ħadd ta’ wara rispettivament, fejn il-pubbliku se jkollu l-opportunità jesperjenza mill-qrib l-operat ta’ dawn il-faċilitajiet u jifhem kemm huwa importanti li wieħed jagħti sehmu.