Tilef bi żbrixx l-Ewropa iżda determinat li jirbaħ Għawdex
'It-tielet siġġu f’Għawdex jista jmur kull naħa iżda meta wieħed iħares lejn il-lista tal-kandidati li qed joffru l-PN ma tantx jistgħu jkunu ottimisti’ - Clint Camilleri
minn John Busuttil
Clint, hu fil-fatt sindku tal-Qala u mill-Qala stess, għad għandu biss 29 sena. Dan iż-żagħżugħ jibqa’ magħruf li mill-gżira daqs naqra ta’ Għawdex għal żbrixx m’għamilhiex għall-Ewropa meta falla s-siġġu Ewropew għal ftit voti. Issa jidher li hu determinat li jieħu siġġu fil-Parlament tal-Belt u jirbaħ siġġu Għawdxi għall-Partit Laburista. “Ħafna nies meta nidħol fid-djar tagħhom dlonk jagħrfuni u jgħiduli ‘Clint, jaħasra għal ftit voti ma għamilnihiex tal-Ewropa’. Naf li dik kienet diżappunt mhux biss għalija, iżda wkoll għal ħafna nies speċjalment għall-poplu Għawdxi. Mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tgħallimt ħafna. Terraqt mat-toroq ta’ Malta u Għawdex u ltqajt man-nies. Ridt inwassal il-messaġġ tiegħi u l-viżjoni li kelli bħala kandidat Għawdxi fil-Parlament Ewropew. Xħin tiltaqa’ man-nies u żżurhom fi djarhom, tesperjenza tabilħaqq dak li jkunu għaddejjin minnu ċ-ċittadini u tipprova kull fejn tista’ tagħti daqqa t’id biex ittejjeb il-ħajja tagħhom. Mhux biss, iżda l-kuntatt maċ-ċittadini jgħin biex il-leġislatur ikun jista’ jfassal liġijiet u miżuri li jkunu tabilħaqq ġusti u idonei.”
Il-perit żagħżugħ Għawdxi qal ukoll li hu jinsab ottimist ħafna dwar iċ-ċansijiet tiegħu li jirbaħ siġġu Għawdxi. “Sinċerament ferm aktar ottimist minn meta ħriġt għall-Ewropa u għalkemm dakinhar kien jonqosni biss ftit voti, illum fiduċjuż li l-votant Għawdxi lest ipoġġi l-fiduċja tiegħu fija ħalli nkun nista’ nippreżentah fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Min-naħa tiegħi nwiegħed il-lealtà tiegħi lejn il-kostitwenti u li lest li nuża l-enerġija kollha tiegħi biex intejjeb il-ħajja f’Għawdex.”
Clint Camileri ġej minn familja sinonima Laburista u ma’ dawk li matul is-snin imqallba tas-sittinijiet baqgħu magħrufa bħala suldati tal-azzar, “In-nannu tiegħi Anġlu, magħruf bħala l-Bedeq serva għal erba’ leġislaturi mal-Partit Laburista fil-gvern ta’ Dom Mintoff. Tnejn miż-żewġ uliedu wkoll ikkontestaw mal-Partit Laburista fis-snin ta’ wara. Missieri Anton kien kunsillier fil-Kunsill Lokali tal-Qala, f’isem l-istess Partit. Kif jgħidu d-demm jiġbed. Meta rajt ir-rispett li baqa’ jgawdi n-nannu minħabba l-ħidma sfiqa tiegħu b’risq il-poplu Għawdxi, ma stajtx ma nħossx il-ġibda li nkompli nagħmel il-ġid għal Għawdex tagħna. Missieri dejjem kien jgħidli biex naqdi lil min ikun fil-bżonn u nħossni ferħan u sodisfatt kull meta ngħin. Li kien jemmen poġġieh fil-prattika kif jixhdu l-kummenti sbieħ li għandi nisma’ fuqu anke illum.”
Clint irrakonta wkoll li mal-mewt ħesrem ta’ missieru ġie avviċinat minn bosta nies fil-Qala biex jikkontesta floku għall-kunsill. “Minn dakinhar ma ħaristx aktar lura u fl-età ta’ 23 sena għall-ewwel darba fil-Qala ġie elett Kunsill b’maġġoranza Laburista u bija bħala Sindku, kariga li għadni nokkupa sal-lum. Fis-sena 2014, il-Prim Ministru inkoraġġieni biex nikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Niftakar li jiena kont għedtlu: ‘Imma lili min jafni? Min ħa jivvutali?’ Għalkemm ġejt fil-ħames post fl-ewwel għadd tal-voti, minħabba s-sistema elettorali tal-wirt, ma kontx ġejt elett għal ftit voti u sal-aħħar ittamajna li jien ser inkun l-kandidat li nagħmel unur lil Għawdex. Waslet l-elezzjoni tal-2017 u l-Prim Ministru avviċinani biex nikkontesta għall- elezzjoni ġenerali.”
Huma l-ħafna li jaħsbu li l-voti li kien ġab fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kienu ġejjin mill-kaċċa li llum dan is-suġġett m’għadux rilevanti għall-elezzjoni Ġenerali, “Hawnhekk ma naqbel xejn miegħek. Ma naħsibx li s-saħħa tiegħi kienet il-kaċċa biss iżda wkoll il-fiduċja tal-poplu fi bniedem żagħżugħ, mimli enerġija li lest li jservi lill-poplu Malti u Għawdxi minn qalbu. Nemmen li jiena kont onest u kuraġġjuż biżżejjed li ngħid dak li nħoss u naħseb, mingħajr ma noqgħod ninħeba wara subgħajja. Jekk ħafna voti ġibthom mill-kaċċaturi, persważ allura li kien hemm ħafna ma vvutawlix għax ma jaqblux mal-kaċċa. Jien ma bżajtx nuri dak li tabilħaqq jien għax ħobbni jew obgħodni jien hekk magħmul. Jien ma ħriġtx favur il-kaċċa u l-insib għax hekk kien jaqbilli politikament, iżda għax tabilħaqq jien nassab u kaċċatur bħal ħafna eluf u ħassejt li kelli nieħu pożizzjoni favur dan id-delizzju. Fil-fatt, jien għent ukoll bis-sħiħ fir-referendum favur il-kaċċa fir-rebbiegħa u anke f’din l-elezzjoni ser inkun ta’ tarka għall-istess sħabi l-kaċċaturi u n-nassaba biex din it-tradizzjoni tibqa’ titgawda kif tabilħaqq jixraq. Kull min jafni, jaf li jien bniedem li nħoss għal min ikollu bżonn u dejjem inkun dispost biex ngħin. Illum aktar minn qabel saru jafuni sewwa ħafna nies u jafu b’kemm ideat, riformi u proġetti għandi jbegħrnu f’moħħi lesti biex isiru realtà għall-benefiċju tal-Għawdxin.”
Dwar Għawdex u l-Għawdxin, Clint Camilleri qal, “Inħoss li jien li ngħix, naħdem u ser nibni l-familja tiegħi Għawdex m’għandux iħossni li jien privileġġjat aktar minn ħaddieħor. Dan għandu jkun id-dritt ta’ kull Għawdxi u mhux biss ħolma. Din li ma tmintax-il sena, ulied din il-gżira jitilqu minnha u jmorru jgħixu Malta permanentement ma għandhiex tibqa’ tkun kważi ta’ bilfors, iżda nixtieq li tkun għażla libera. Nixtieq li ż-żagħżugħ Għawdxi jħoss li f’Għawdex jista’ jaħdem u jipprogressa fix-xogħol tiegħu mingħajr ma jħossu li hu żvantaġġjat li qed jgħix Għawdex.”
Clint qal ukoll li Għawdex dan l-aħħar ra tibdiliet kbar speċjalment fl-ekonomija u fil-livell ta’ għajxien tan-nies, “Personalment nixtieq nara aktar investiment fl-infrastruttura u dan biex noffru toroq aħjar, bajjiet aktar aċċessibbli u żoni turistiċi aktar mgħammra u moderni. Fil-fatt, irrid inkun minn ta’ quddiem li naħdem u ngħin biex il-proposta ambizzjuża tal-Prim Ministru li t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex jiġu asfaltati titwettaq fi żmien 7 snin.”
Il-perit Għawdxi jemmen li hemm bżonn aktar inċentivi fiskali “Biex niġbdu lejn Għawdex, aktar investimenti billi noffru pakkett iżjed attraenti għall-industriji bħal dawk tal-gaming minħabba d-domanda kbira li hemm f’dan is-settur. Dan apparti wkoll il-bżonn li jitwettaq il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex li tant hu bżonjuż għalina l-Għawdxin. Jiħtieġ li ma nmexxux l-arloġġ lura. Dan qed jingħad b’referenza partikolari għal dak li qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li jfisser li nistgħu ngħidu addio għall-iskola ta’ Barts. Għawdxi li qed jara l-opportunità sabiex jikri l-proprjetà tiegħu tisfuma fix-xejn. Negozji li kienu qed jaraw domanda ġdida għall-prodotti u servizzi tagħhom tevapora. Il-pazjenti diġà qegħdin jibbenefikaw minn servizz ħafna aħjar minn qatt qabel. Anke Għawdxin Nazzjonalisti qegħdin jammettu l-qabża fil-kwalità fis-servizz li qegħdin igawdu l-isptar f’Għawdex. Ikun kastig kiefer u bla mistħoqq nippruvaw nidħku bil-poplu u ngħidulu li aħjar kif konna u nwegħduh li nkissru t-tajjeb li diġà sar s’issa u li għad ikompli jsir minn Gvern Laburista.”
Dwar jaħsibx jekk hux kif qed jingħad li t-tielet siġġu t’Għawdex qed ixaqleb lejn il-Partit nazzjonalista l-kandidat żagħżugħ laburista qal li dan jista’ jmur kull naħa. “Ovvjament il-PN għandu kull interess li jgħid li ser jirbaħ it-tielet siġġu, għalkemm meta wieħed iħares lejn il-lista tal-kandidati li qed joffru ma tantx jistgħu jħossuhom ottimisti ħafna. Min-naħa tal-PL, hemm tim tajjeb. Tim li joffri għażliet differenti imma xorta għandu għan li jkompli fejn ħallejna speċjalment fit-tkattir tax-xogħol.”
Mitlub jgħid x’ilmenti qed jisma’ mill-Għawdxin Clint qal li dawn huma parti mill-pakkett tal-politika lokali, “Ħafna minnhom jkunu pożittivi mmens filwaqt li oħrajn jesprimu xi diżappunt għax iħossu li kellhom dritt għal xi ħaġa u ma ħadux dak li jaħsbu li kien jixraq lilhom. Hemm ukoll minn jipproponi miżuri u ideat ġodda. Però rrid nagħmilha ċara mal-votanti li joqogħdu d-dar u ma joħorġux jivvutaw minħabba diżappunt f’xi kandidat mhix is-soluzzjoni. Dawn in-nies iridu anzi joħorgu jivvotaw bi ħġarhom, b’konvinzjoni, lil kandidat ieħor tal-Partit Laburista li jemmnu li ser jagħmel id-differenza kemm f’Għawdex kif ukoll f’ħajjithom!”
It-tema prinċipali li qed jiġġieled il-Partit Nazzjonalista biha hi l-korruzzjoni. Meta jżur lin-nies fid-djarhom jaħseb li l-poplu qed jara l-elezzjoni bażata fuq l-għajta tal-korruzzjoni jew irid aktar proposti milli, “Sa erba’ snin ilu, in-nies kienu inkwetati fuq il-kontijiet għolja tad-dawl u l-ilma, fuq in-nuqqas ta’ xogħol, fuq saħħa ta’ paga li dejjem qed tonqos u fuq taxxi li kienu dejjem jogħlew. Kienu jibżgħu li wliedhom ma jkunux aħjar minnhom. Illum in-nies għandhom serħan il-moħħ fuq dawn kollha. L-oppożizzjoni tafu dan u ikkreat intoppi sabiex tipprova toskura l-ħidma sfiqa ta’ dan il-Gvern. L-oppożizzjoni weħlet mad-diska tal-korruzzjoni u kull nuqqas żgħir kemm hu żgħir, pront jiġi msejjaħ korruzzjoni. Dan l-aġir tal-kap tal-oppożizzjoni li jonfoħ l-issue tal-korruzzjoni mingħajr ebda evidenza, qed jispiċċa jagħmel ħafna ħsara lill-pajjiż u konvint li daqt jisplodi f’wiċċ il-partit Nażżjonalista. Din in-negattività monotona marrdet lill-Maltin u l-Għawdxin li jippreferu jsiru jafu kif il-livell tal-għejxien tagħhom ħa jkompli jitjieb.”
Clint qal li meta n-nies se jmorru jivvutaw ser ipoġġu kollox f’miżien u hu konvint li t-tajjeb li għamel il-gvern il-poplu mhux se jinsih. “Perfetti m’aħniex u żbalji jsiru wkoll. Il-Partit Laburista għad baqagħlu ħafna x’joffri. Nemmen li l-isbaħ żmien għal Għawdex għadu ġej. Irrid nara lil Għawdex magħqud ma’ Malta permezz ta’ mina. Irrid li f’Għawdex noffru l-aħjar edukazzjoni possibbli. Irrid li f’Għawdex noffru l-aħjar kura medika. Dan kollu huwa possibbli biss bi gvern Laburista. Għaldaqstant nappella lis-suldati tal-azzar li tant stinkaw u ħadmu biex jaraw lil dan il-Partit fil-gvern kif ukoll u b’mod speċjali liż-żgħażagħ Għawdxin li tant għandhom għal qalbhom il-futur ta’ din il-gżira sabiex joħorġu jivvotaw vot ta’ fiduċja f’dan il-gvern.”