Ftit jiem wara il-ftuħ tal-Parlament l-ILLUM tkellmet ma’ David Stellini, Deputat Għawdxi li ħareġ għall-ewwel darba u kien elett wara l-elezzjoni każwali,. Strellini kien ukoll Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi għall-Partit Popolari Ewropew (EPP). Ma’ din il-gazzetta Stellini esprima lilu nnifsu sodisfatt ħafna illi se jkun rappreżentant tal-Għawdxin fil-Parlament u rringrazzja lil familtu u lil dawk kollha li vvutaw lilu u lill-Partit Nazzjonalista.
Dwar ir-responsabilità tiegħu bħala kelliem tal-Affarijiet Ewropej Stellini sostna li l-ewwel prijorità bħalissa huwa li “niddefendu s-sistema ta’ taxxa tagħna minn attakk li qed isir minn pajjiżi barranin.” Stellini filwaqt li rrikonoxxa li pajjiż minn fejn tkun ġejja kumpanija ma jiħux gost li dik il-kumpanija qed topera u tħallas it-taxxi f’pajjiżna, fakkar ukoll illi dak li qed jagħmel pajjiżna huwa kollu skont ir-regolamenti Ewropej. “Bi dritt,” kompla Stellini, “irridu nkomplu nħarsu u niddefendu isem pajjiżna.”
Stellini fakkar ukoll fil-każ Panama u kif ir-reputazzjoni ta’ pajjiż hija kollox, “għalhekk se naħdem biex nibqgħu niddefendu isem pajjiżna.”
Finalment ma’ din il-gazzetta Stellini sostna li kwistjoni oħra li se tkun fost il-prijoritajiet kif kienet għal ħafna żmien hija l-immigrazzjoni. “Hemm bżonn li din il-kwistjoni tkun iffaċċjata fuq livell Ewropew u bħalissa għaddejja diskussjoni b’idea li qed tikseb ċertu ħeġġa li meta, pereżempju, l-immigranti jaslu Malta, fil-fatt ikunu waslu fuq territorju Ewropew, mhux biss Malti.”