Taqtigħa ħarxa bejn it-tliet kontestanti

  • Scicluna  l-favorit imma Fearne b’kampanja qawwija fost id-delegati
  • Chris Cardona qed jappoġġja lil Helena Dalli  

It-tliet kontestanti
It-tliet kontestanti

L-elezzjoni għal Deputat Mexxej ġdid tal-PL, liema persuna se tkun maħtura wkoll Deputat Prim Ministru hija waħda ħarxa ħafna u għalkemm jidher illi s’issa l-Ministru Edward Scicluna huwa l-favorit speċjalment fost dawk l-eqreb tal-Prim Ministru, delegati, Deputati u Ministri Laburisti li tkellmu mal-ILLUM lkoll sostnew illi Fearne għaddej b’kampanja qawwija ħafna li tista’ tbiddel l-eżitu tar-riżultat. 

Intant din il-gazzetta tinsab infurmata li d-Deputat Mexxej tal-PL għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona qed jappoġġja, anke jekk mhux pubblikament, il-kandidatura ta’ Helena Dalli. Tant li lbieraħ preżenti fil-ftuħ tal-kampanja tagħha kien hemm Jonathan Attard, eks uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u impjegat fil-Ministeru ta’ Cardona.  

F’intervista fuq din il-gazzetta (ara paġni 6 u 7) l-Ministru Edward Scicluna jerġa’ jsostni illi kien il-PM Joseph Muscat li talbu biex jifforma ‘front elettorali’ miegħu qabel l-aħħar elezzjoni u li qallu biex jitfa’ n-nomina għal din l-elezzjoni. L-istess sentiment esprimietu Dalli fil-ftuħ tal-kampanja tagħha lbieraħ u f’kummenti li ħadet din il-gazzetta lil Fearne, dan qal li mhux biss għandu l-appoġġ tal-Prim Ministru Muscat imma ta’ Louis Grech ukoll, li jokkupa l-kariga li qed tkun ikkontestata.

Id-delegati mobilizzati imma inċerti dwar l-għażla quddiemhom

Minkejja li ’l bogħod mill-istrutturi tal-partit ftit li xejn hemm diskors jew aptit ta’ elezzjonijiet, id-delegati tal-PL li jgħoddu mas-700 persuna, qed ikunu mobilizzati b’attivitajiet, diskussjonijiet u anke laqgħat fuq bażi indidividwali. Scicluna għaddej b’laqgħat f’diversi każini fejn qed jingħataw preżentazzjonijiet tal-ħidma tiegħu bħala Ministru, filwaqt Fearne qed jorganizza attivitajiet fuq bażi iktar wiesgħa. Sa din il-ġimgħa stess, tinsab infurmata din il-gazzetta, Fearne organizza attività illi għaliha attendew mat-300 delegat fl-istabbiliment Monte Kristo, l-istess post fejn organizza attivitajiet qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Delegat li kien preżenti għal din l-attività sostna li ftit jekk xejn hemm kandidat preferut u li kuntrarjament għas-sena l-oħra, meta saret elezzjoni simili, li minnha kien elett Chris Cardona, is-sentiment ta’ rabja fost diversi għeruq tal-partit huwa minimu.

Fil-fatt dan ikkonfermah Ministru Laburista li tkellem mal-ILLUM u qal illi r-riżultat elettorali u l-fatt li ħafna mill-ilmenti li kienu qed isiru kienu milqugħin, ifisser li ħafna mir-rabja li seta’ kien hemm issa tmewtet.

Ir-raġunijiet għall-appoġġ li qed jagħtu lill-kandidati dawk li tkellmu magħna huma diversi, għalkemm fejn jirrigwarda kompetenza ministerjali jidher illi d-delegati jħossu li t-tlieta għamlu/qed jagħmlu xogħol tajjeb.

Scicluna, iżda, qed jissemma’ bħala l-għażla awtomatika minn bosta hekk kif kien pedina importanti għall-Partit waqt il-kampanja elettorali b’referenzi kontinwi mill-Prim Ministru (‘Lil min tridu jmexxi lil Joseph Muscat u Edward Scicluna jew Simon Busuttil u Marlene Farrugia’). Huwa meqjus ukoll bħala l-eqreb fl-istatura politika u l-idjoma politika ta’ Louis Grech.

Minkejja kollox iżda, jidher ċar li anke Helena Dalli qed tikseb ċerta ammont ta’ appoġġ, fuq il-bażi illi jekk eletta hi se tkun l-ewwel mara li qatt okkupat din il-pożizzjoni fil-PL f’kważi 100 sena ta’ eżistenza tal-Partit. Deputata Laburista li se tkun qed tappoġġja lil Dalli sostniet illi minkejja l-kompetenzi tat-tliet kandidati “ma jkunx jagħmel sens jekk ma nagħmilx dak li nipprietka dwaru u nivvota biex il-PL ikollu mara f’wieħda mill-ogħla karigi.”

Dalli tniedi l-kampanja; ‘Mara magħkom’

Dalli tant hi konxja ta’ dan il-vantaġġ li sal-bieraħ stess nediet il-kampanja tagħha bl-isem ‘Mara magħkom’.

Hija mmarkat li l-Prim Ministru spiss isemmi “l-qabża liberali ’l quddiem” u li fl-aħħar snin fdaha bi wħud mill-akbar bidliet għas-soċjetà Maltija. “Ta’ dan rajna l-frott, kemm f’wiċċ in-nies li gawdew minnhom u kemm f’termini ta’ voti bħala Partit.”

Hija qalet li qed tidħol għal din il-kariga  f’mument meta l-Partit Laburista  huwa b’saħħtu fit-tieni mandat konsekuttiv fil-gvern.

Dalli fissret li għażlet dan is-slogan mhux biss għax hi mara imma fis-sens l-ieħor tal-kelma, għax dejjem kienet mara mal-Partit Laburista u serviet fih mhux biss fiż-żminijiet sbieħ bħal ta’ bħalissa, imma wkoll fiż-żminijiet iebsa.”

‘It-tlieta li aħna għandna l-appoġġ ta’ Muscat’

Intant wara l-istqarrija, kemm ta’ Scicluna u anke ta’ Helena Dalli li lbieraħ qalet illi kien Muscat li ħeġġiġha biex toħroġ, anke Fearne sostna li għandu l-appoġġ ta’ Muscat.

“Din hija ovvja, li t-tlieta li aħna għandna l-appoġġ ta’ Muscat. Jien kelli lagħat mal-Prim Ministru u dan ħeġġiġni biex nieħu dan il-pass, kif ħeġġiġni wkoll Louis Grech.”

Intant f’kummenti ma’ din il-gazzetta Fearne ċaħad bil-qawwa kollha li hu b’xi mod għandu ambizzjonijiet li jmorru oltrè mill-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-PL. “Din hija elezzjoni għal Deputat Mexxej u jiena f’dan jinteressani, punto e basta. Din l-elezzjoni tibda u tispiċċa ma’ din il-kariga.”

 

 

 

More in Politika