'M’hemm ħadd kompetenti fuq il-Bitcoin fl-MFSA'
Il-Bitcoin kunċett aljen għal ħafna, però li jista’ jsir realtà fis-snin li ġejjin- l-ILLUM titkellem ma’ Dario Azzopardi
minn Liam Carter
F’intervista mal-gazzetta ILLUM, Dario Azzopardi Kap Eżekuttiv tal-kumpanija 3Group sostna li ‘m’hemm ħadd kompetenti biex jitkellem dwar il-kunċett Bitcoin fl-MFSA’.
Azzopardi kien qiegħed jirreaġixxi għall-istqarrija li ħarġet l-MFSA l-ġimgħa l-oħra fejn wissiet lill-pubbliku ġenerali dwar il-munita diġitali. Fl-avviż l-awtorità saħqet dwar ċertu perikli li tranżazzjonijiet b’din il-munita tista’ ġġib magħha bħal; serq mill-kont diġitali wara xi attentat ta’ hacking, il-volatilità tal-valur li jista’ jinbidel pjuttost malajr u saħansitra jonqos għal żero.
Azzopardi spjega li kemm-il darba prova jitkellem ma’ xi nies li jaħdmu l-MFSA fuq din il-minuta iżda dan kien kollu għalxejn hekk kif ftit li xejn sab nies fi ħdan din l-awtorità li seta’ jifhmu x’inhi Bitcoin, jew kunċetti oħra bażiċi bħal ‘mining’. (ara spjegazzjoni iktar 'l isfel)
Azzopardi kompla jisħaq fuq il-bżonn ta ‘bidla fil-mentalità ta’ bosta istituzzjonijiet rigward din il-munita hekk kif kompla jqabbilha ma’ revoluzzjonijiet diġitali li rajna fil-passat bħal midja soċjali.
Sostna wkoll li peress li huwa ma joffrix servizz finanzjarju iżda jbigħ prodott li jiġġenera finanzi għax-xerrejja tiegħu, “l-MFSA ma tistax tirregolani”
It-twissija mill-MFSA fil-fatt mhix l-unika waħda tat-tip tagħha fl-Ewropa hekk kif ir-regolatur ħareġ appell għall-kawtela fuq din is-sistema
Mhux hekk biss il-Bank Ċentrali tal-Belġju u l-awtorità finanzjarja fl-istess pajjiż ilhom li ħarġu twissija ċara kontra l-Bitcoin minn Jannar tal-2014.
Barra minn hekk, uffiċjal tal-eżekuttiv tal-awtorità ta’ sorveljanza finanzjarja (FCA) ġewwa r-Renju Unit, saħaq li "allavolja m’aħniex qegħdin inħarsu lejn il-muniti diġitali b’lenti negattiva, xorta waħda għandna neżerċitaw kawtela kbira."
F’ribattuta lejn dawn it-twissijiet Azzopardi saħaq li huwa ovvju li l-istituzzjonijiet tradizzjonali finazjarji joħroġu b’dawn it-twissijiet għaliex hemm “il-ġid u l-professjonijiet tagħhom fin-nofs.”
“Il-banek għalhekk qed iħokku rashom, aħna ser inbiddlu l-mod kif naħdmu... bil-munita diġitali m’aħniex ser niġu bżonn banek.”
Il-Fintech, is-settur li jiġbor fih munita bħal Bitcon, kien parti mill-manifest elettorali ta’ kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista. Punt 54 u punt 164 rispettivament fil-manifest jitkellmu dwar il-ħtieġa li jsir investiment f’dan is-settur.
Dan mhux biss hekk kif anke l-Prim Ministru Joseph Muscat fi Frar li għadda waqt konferenza tal-CEPS ġewwa ddikjara li l-Ewropa għandha tkun l-ewwel ‘kontinent tal-Bitcoin.’
F’April li għadda l-kabinett approva l-ewwel strateġija ta’ blockchain, Muscat iddikjara li din it-teknoloġija “għadha mhux apprezzata biżżejjed.” Huwa saħaq ukoll fuq il-bżonn li “l-gżira tagħna għandha bżonn tħares biex tadotta l-cryptocurrency minkejja t-twissijiet tar-regolaturi.”
Hekk kif f’Lulju li għadda s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri wkoll tkellem fuq dan is-suġġett u kien sosta hekk; “Il-Gvern qed jaħdem fuq l-introduzzjoni tal-użu ta’ cryptocurrency għaliex tikkumplimenta l-istrateġija tal-blockchain li se tkun imnedija fiż-żmien li ġej.”
X’inhi Bitcoin?
Bitcoin, hija munita diġitali li mhijiex tanġibbli, jiġifieri m’għandhiex karta jew munita li tinħass bħal ewro u lira Ingliża, iżda munita li tinżamm fuq kont online li jista’ jiġi aċċessat bl-użu ta’ applikazzjonijiet fuq il-mowbajls. Bitcoin hi meqjusa rivoluzzjonarja hekk kif m’hemmx entita finanzjarja li tikkontrolla bħall-banek.
Is-sistema tal-Bitcoin taħdem b’mod simili għal dik tad-deheb. Id-deheb li huwa riżorsa naturali limitata u li jista’ tista’ tiġi msarrfa fi flus kontanti. Il-valur tad-deheb huwa direttament relatat mal-provvista u domanda, u l-Bitcoin l-istess Kif nista’ nakkwista Bitcoin ?
Wieħed jista’ jakkwista l-Bitcoins b’diversi modi, l-ewwel nett tista’ tbiddel flus bħal ewro, dollaru Amerikan u Sterlina Ingliża għal Bitcoins barra minn hekk wieħed jista’ wkoll jaċċetta Bitcoins bħala ħlas għal xi prodott jew servizz. Fl-aħħar nett il-Bitcoins jiġu akkwistati wkoll billi persuna tiddedika l-kompjuter tiegħu għal ‘mining’.
X’inhi Blockchain?
Tranżazzjonijiet b’din il-munita huma possibbli b’sistema diġitali li tissejjaħ il-Blockchain. Blockchain hija reġistru diġitali li jżomm rendikont ta’ kull tranżazzjoni li tkun saret, b’hekk Persuna A ma tistax terġa’ tonfoq l-istess Bitcoins, barra minn hekk Persuna A ma tistax tonfoq flus li ma għandhiex.
Din is-sistema diġitali tista’ tiġi mqabbla ma’ sistema ta’ ‘supermarket’, li jkollu bosta pontijiet fejn wieħed jista’ jħallas, jekk persuna A tmur fuq l-ewwel cash register u tkun trid tixtri 200 pakkett ilma, is-sistema l-ewwel tiċċekkja jekk hemmx dak l-ammont fil-maħżen. Jekk fl-istess ħin persuna B tmur tagħmel l-istess ordni ta’ ilma u jagħti l-każ li l-provvista ta’ ilma fil-maħżen tkun spiċċat, din it-transazzjoni ma tgħaddix.
Persuna tista’ tbiddel flus kontanti ma’ Bitcoin, minn xi Bitcoin ATM bħalma ġiet installata riċentement ġewwa Tas-Sliema, wara tkun tista’ tixtri xi ħaġa b’din l-istess munita. Din it-transazzjoni mbagħad tgħaddi taħt proċess ta’ skrutinju li l-magni, magħrufin aħjar bħala ‘miners’ jivverifikaw jekk l-ammont dovut huwiex disponibbli jew le.
X’inhu eżattament ‘mining’?
‘Mining’ huwa stadju ta’ verifikazzjoni, li ma jsirx minn xi bank jew entità finanzjarja oħra iżda minn nies oħra li jixtru apparat jissejħu ‘miners’. Miner huwa apparat li jiswa madwar €2500, huwa apparat diġitali li jħaddan potenza kompjuterizzata qawwija, sempliċiment billi jinqabad mad-dawl, u b’konnessjoni stabbli ta’ internet dan il-‘miner’ ikun kapaċi jivverifika t-transazzjoni li persuna A għamlet lil Persuna B .
Wara li jsir dan l-istadju, dawk in-nies li jkunu ddedikaw dan l-apparat għall-verifikazzjoni jingħataw lura Bitcoin li tista’ tissarraf lura għal flus komuni bħall-ewro, id-dollaru Amerikan u l-lira Ingliża.
X’wiegħdu l-partiti fl-aħħar elezzjoni?
Wegħda PL
‘Nemmnu li t-teknoloġiji ġodda u emerġenti kapaċi jittrasformaw il-ħajja ta’ kuljum u joffru opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni f’oqsma varji, inkluż is-settur pubbliku.Għalhekk, nanalizzaw ix-xejriet teknoloġiċi u l-użu tagħhom permezz ta’ numru ta’ proġetti pilota, fost oħrajn l-Internet of Things, Artificial Technology, Blockchain, Wearable Technology u Quantum Technology.’
Wegħda PN
‘FinTech: nagħmlu lil Malta leader fir-reġjun għas-settur tal-FinTech, settur li joħloq sinerġija bejn is-settur tas-servizzi finanzjarji u dak tal-informatika. Naħdmu mal-istakeholders biex noħolqu l-aħjar klima u qafas regolatorju biex dan isir, u nwaqqfu FinTech Mobilisation Fund ta’ €200m biex nissapportjaw lis-settur.’