F’intervista mal-gazzetta ILLUM is-segretarju parlamentari għas-servizzi finanzjarji Silvio Schembri sostna li l-Malta Financial Services Authority (MFSA), l-awtorità li tirregolara l-attività finanzjarja ġewwa pajjiżna qegħda tistudja l-possibilita sabiex tibda tirregola il-krytpocurrencies bħal Bitcoins, munita diġitali li ma taqax taħt ir-regolatur (MFSA) u li l-valur tagħha jitla’ u jinżel bħall-komoditajiet tradizzjonali.
Is-segretarju Parlamentari saħaq fuq l-importanza l-gvern qed jagħti lis-settur tal-Fintech fejn l-għan prinċipali huwa li “Malta tkun l-ewwel pajjiż li jadotta teknoloġija tal-blockchain.”
Mistoqsi dwar l-istqarrija riċenti li ħarġet l-MFSA fuq il-kryptocurrencies u teknoloġiji simili, Schembri saħaq fuq il-fatt li teknoloġiji bħal krytocurrencies u blockchain huma affarijiet pjuttost ġodda li jiġu żviluppati kontinwament.
“Il-kryptocurrency hija ‘learning curve’ għal kulħadd, mhijiex sempliċiment xi ħaġa li tinsab żviluppata totalment, u li wieħed jista’ jitkellem fuq it-totalità tagħha llum.”
Is-segretarju parlamentari qal li, l-MFSA ċertament mhijiex kontra din it-teknoloġija, iżda huwa fid-dover tagħha li tinforma l-pubbliku fuq perikli li jistgħu jaħkmu lil nies li jużaw dawn il-muniti diġitali.
“Kien hemm l-impressjoni mill-pubbliku li muniti bħal bitcoin huma rregolati mill-MFSA għalhekk jaqgħu taħt il-protezzjoni li toffri lill-konsumatur, għalhekk L-MFSA ma qalitx li kryptocurrencies huma illegali, hija infurmat biss li mhumiex muniti regolati. U fil-verità għandha raġun.”
L-MFSA kienet wissiet lill-pubbliku ġenerali dwar il-munita diġitali. L-awtorità saħqet dwar ċertu perikli li tranżazzjonijiet b’din il-munita tista’ ġġib magħha bħal serq mill-kont diġitali wara xi attentat ta’ hacking u l-volatilità tal-valur li jista’ jinbidel pjuttost malajr u saħansitra jonqos għal żero.
Dan l-avviż wassal għal reazzjonijiet ħorox minn Dario Azzopardi Kap Eżekuttiv tal-kumpanija 3Group, li timporta apparat biex jiġu prodotti l-Bitcoins, li f’intervista mal-gazzetta ILLUM, kien sostna li ‘m’hemm ħadd kompetenti biex jitkellem dwar il-kunċett tal-Bitcoin fl-MFSA’.
Schembri stqarr ma’ din il-gazzetta li “kummenti bħal dawn ma għamlux ġid, u jkun aħjar kieku wieħed jitkellem fuq is-suġġett milli fuq l-abbilità ta’ nies fis-settur finanzjarju.”
Schembri sostna li l-gvern baqa’ mmotivat biex jipprovdi pjattaforma diġitali li tħares biex timplimenta dawn it-teknoloġiji, għalhekk tnedew eżerċizzji internament bl-għan li jiġu regolarizzatii l-kryptocurrencies.
“Il gvern qed jara biex ikun l-ewwel fost il-gvernijiet Ewropej li jħaddan it-teknoloġija tal-blockchain, u qed jipprovdi strateġija ħolistika li ma jħalli xejn barra minn din it-teknoloġija”