L-Istati Diviżi tal-Amerika
Ħarsa lejn ix-xena politika turbulanti tal-Amerika
minn Liam Carter
Wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin fil-bidu ta’ snin 90, li waslet għad-dekadenza tal-ideoloġija kommunista, l-Istati Uniti stabbiliet ruħha bħala l-iktar pajjiż potenti fid-dinja, pajjiż li ċittadini aspiranti dejjem ħolmu li din l-art tista’ tkun it-tweġiba għall-ħolm tagħhom, pajjiż li dejjem kien fiċ-ċentru ta’ kull avvanz teknoloġiku, finanzjarju u ideoloġiku... iżda pajjiż li għal iktar minn darba kien ħati ta’ segregazzjoni ta’ nies u popli differenti, pajjiż li evidentament kellu u għad għandu firdiet kbar bejn kommunitajiet differenti.
Għaddew 154 sena mill-‘Emancipation Proclamation’, ordni eżekuttiva li l-eks President Abraham Lincoln kien poġġa fis-seħħ, li biha iktar minn 3 miljun skjav ġew meħlusin mill-istati tan-Nofsinhar tal-Amerika. Fis-seklu 20, nibet moviment ieħor favur id-drittijiet tas-soċjetà ċivili li kiseb bosta drittijiet għall-minoranzi fosthom it-tneħija tas-segregazzjoni ta’ razez differenti.
Però wieħed tajjeb jistaqsi kemm l-istorja evolviet, dan b’referenza għall-inċidenti u tensjoni għolja li rajna fil-ġimgħat li għaddew, fosthom f’Charlottesville u Boston, fejn faqqa’ ġlied bejn dimonstranti tal-lemin estrem u dawk li kienu qegħdin jipprotestaw kontrihom.
L-ILLUM intervistat lid-Deputat Dekan u Lecturer tal-‘Public Policy’ fl-Università ta’ Malta, George Vital Zammit, u miegħu ppruvat tifhem aħjar dwar l-iżviluppi fl-Istati Uniti. L-irwol ta’ Trump, jekk hux se jkun imneħħi minn president, is-sehem ta’ Obama f’din il-kwisjtoni razzjali u l-moviment ‘black lives matter’.
Sentiment tort ta’ Trump ?
Staqsejna lid-dekan fuq id-dimostrazzjoni vjolenti riċenti tal-lemin estrem f’Charlottesville li ħalliet tliet persuni mejta.
“Naħseb dawn is-sentimenti tal-lemin estrem ħadu pjattaforma taħt il-presidenza ta’ Donald Trump. “Il-lemin Amerikan dejjem kien hemm, is-sentiment razzist kontra l-Lhud u kontra n-nies ta’ karnaġġjon skur, ilhom hemm però issa dawk is-sentimenti qishom ġew istituzzjonalizzati,” sostna Vital Zammit.
“Dan għaliex qabel il-‘fenomenu’ ta’ Trump, kull President Amerikan kien joqgħod ħafna attent li bejn ir-rettorika tal-kampanja elettorali u dik tal- presidenza jkun hemm differenza.”
Skont Vital Zammit “il-mexxej irid ikun hemm għal kulħadd mhux biss għall-partit tiegħu, Trump mexa mod ieħor u għalhekk dawn is-sentimenti sabu refuġju.”
“Jien naħseb li Donald Trump”, ikompli jgħid Vital Zammit mal-ILLUM “għandu repsonsabbilità kbira.” Trump fil-pożizzjoni influwenti li qiegħed fiha jrid irażżan mhux itihom iktar arja. Għalhekk fil-każ Charlottesville meta kkundanna l-vjolenza fuq iż-żewġ naħat kellu jkun iktar skjett u b’saħħtu fil-kundanna kontra sentimenti nazzisti.”
“Ma rridux ninsew li dawn is-sentimenti razzisti kienu għadhom jirrenjaw sa 50 sena ilu, jekk inti kont iswed bilqiegħda fuq xarabank u tela’ bniedem abjad kellek iċċedi postok lilu. Dan ma seħħx fil-Medju Evu iżda fis-snin 60, għalhekk huwa inkwetanti li fl-2017 qed naraw l-istess sentimenti ħerġin, nemmen li l-President għandu juża l-poter kollu tiegħu biex jgħaffeġ das-sentimenti mhux joffri refuġju,” sostna Vital Zammit.
Trump kien ikkritikat, minħabba li dam biex jikkundanna l-vjolenza tal-lemin estrem f’ Charlottesville waqt demostrazzjoni minn estremesti tal-lemin, li bdew jipprotestaw kontra t-tneħħija ta’ statwi ta’personaġġi mill-gwerra ċivili tal-1861.
F’mument waqt din il-protesta, James Alex Fields Jr, saq il-karozza tiegħu ġol-folla, bir-riżultat li qatel lil Heather Heyer ta’ 32 sena.
"Inti tiddefinixxi r-relazzjoni tiegħek mal-midja”
Tul il-kampanja elettorali Trump sikwit għamel referenza għal stejjer fejn iddeskrivihom bħala ‘fake news’, għax skont hu deliberatament jirrappurtaw informazzjoni inkoretta u propoganda kontrih. Fil-fatt il-kunċett ta’ ‘fake news’ bdieh l-istess Trump għad-detriment tal-midja madwar id-dinja inkluż dik lokali.
Rapport ippubblikat lura f’Settembru tal-2016 minn Gallup, sit li jispeċjalizza f’eżerċizzji ta’ sħarriġ żvela li, 32% biss tal-populazzjoni Amerikana tafda, iswed fuq l-abjad ir-rapporti tal-midja.
Skont Vital Zammit iżda, inti tiddefinixxi r-relazzjoni tiegħek mal-midja, u għalhekk sikwit hija meqjusa suwiċidali li kandidat jew mexxej jikkonfronta lill-midja. Hu kompla jispjega kif ir-relazzjoni bejn il-midja u l-politiku għandha tkun waħda reċiproka, “il-midja għandha bżonnok biex toħloq l-istorja filwaqt li l-politiku għandu bżonn lill-midja sabiex joħloq ir-relazzjoni pubblika tiegħu. Jekk tara s-sitwazzjoni bħalissa tal-midja Amerikana, għandek kull stazzjon, gazzetta jew portal kontra Trump, apparti Fox News, anke jekk ċertu ġurnalisti hemmhekk huma kontrih. Minkejja dan kollu, rebaħ l-elezzjoni u naħseb ir-rebħa tatu iktar poter li jaġixxi b’dan il-mod”
Impeachment fuq l-għatba tal-White House?
Trump se jkun imkeċċi kif qed jindikaw bosta fi-xena medjatika Amerikana? Jew din kollha parti mill-aġenda anti-Trump?
Il-kostutizzjoni Amerikana tagħti lill-Kamra tar-Rappreżentanti l-poter li tiftaħ il-proċess ta’ ‘impeachment’ kontra president. Biex president jiġi mkeċċi jeħtieġ bħala l-ewwel pass li l-maġġoranza tal-Kamra tivvota favur it-tkeċċija tiegħu.
Wara dan l-istadju, is-Senat ikollu l-poter biex imexxi każ kontrih, simili bħal każ fil-Qorti. Hawnhekk jeħtieġ li 2/3 tas-senat jivvutaw favur il-kundanna tal-president. Jekk il-president jirriżulta li huwa ħati dan jiġi mneħħi filwaqt li ma jkunx eliġibbli li jerġa’ jokkupa pożizzjoni fiċ-ċivil.
Fl-istorja tal-Amerika, din qatt ma ġrat hekk kif żewg presidenti kienu impeached però t-tnejn ġew meħlusin mil-akkużi.
Vital Zammit jgħidlilna li huwa ma jafx x’ser jiġri però għamel referenza lejn il-ktieb li ppubblika riċentement il-professur tal-Istorja Allan Lichtman li qed jgħid li l-45 President Amerikan ser jiġi ‘impeached’. Dan jiddiskutih fil-ktieb tiegħu ‘The Case for Impeachment’ fejn fosthom jiddiskuti l-konnessjonijiet mar-Russja. Apparti min hekk jiddiskuti wkoll it-taqlib li l-amminstrazzjoni ta’ Trump esperjenzat b’tkeċċijiet ta’ uffiċjali b’karigi għoljin fl-amministrazzjoni.
24 ġuranta biss wara li rċieva l-ħatra bħala President, Lieutenant General Mike Flynn kellu jirreżenja mill-kariga tiegħu bħala ‘National Security Advisor’ wara li gideb dwar il-kontenut u n-natura tal-laqgħa tiegħu mal-Ambaxxattur Russu għall-Amerika; Sergey Kislyak.
Vital Zammit jistqarr li ċertament “ma jafx x’ser jiġri fil-futur però, it-taqlib politiku anke min-naħa tat-tkeċċijiet fit-tim tiegħu u affarijiet suspettużi bħall-allegazzjonijiet li hemm bħalissa fir-rigward tan-neputi tiegħu Jared Kushner, jaf ikunu azzjonijiet li jwasslu għal ‘impeachment’.”
Jared Kushner, neputi ta’ Donald Trump ċaħad allegazzjoniiet li kien f’kuntatt ma’ uffiċjali għoljin Russi biex jgħinu lil Donald Trump sabiex jerbaħ l-elezzjoni presedenzjali ta’ Novembru li għadda.
Il-każ ta’ Mike Flynn mhuwiex uniku hekk kif minn mindu l-amminstrazzjoni ta’ Trump ħadet post dik ta’ Obama kien hemm 13–il uffiċjal ta’ kariga għolja fl-amministrazzjoni li ġew imkeċċija jew irreżenjaw.
“Jista’ jkun fis-snin li ġejjien, nies fil-partit Repubblikan ma jibqgħux komdi bih imexxihom, jien kemm se jdum ma nafx. Kull kriżi taf tbidillek l-istorja. Test ieħor kbir huwa s-sitwazzjoni tal-Korea ta’ Fuq li jekk tispolid ser tfisser il-mument li jiddefinixxi l-presidenza tiegħu.”
“Jien naħseb li Mike Pence jikkomporta ruħu, bħala viċi president u jekk jaqa’ Trump f’xi każ ta’ ‘impeachment’ ma jkunx hemm problema jkompli l-ħidma tiegħu.”
Stħarriġ minn Gallup ma tantx jgħati kuraġġ lil Trump, hekk kif wara l-222 ġurnata minn mindu nħatar, ir-rati ta’ approvazzjoni tiegħu huma biss ta’ 37.1%. Dan jikkumpara ħażin anke mal-aħħar President Republikan, George W Bush li wara 222 ġurnata tiegħu bħala president b’rata ta’ 52.9% f’popolarità.
Però s-sondaġġi mhux dejjem ibassru r-realtà hekk kif esperjenzajna fl-elezzjoni presedenzjali Amerikana ta’ Novembru li għadda...nistennew u naraw.
Fis-seklu dsattax, L-Amerika kienet iddominata minn bosta movimenti bl-għan li jinkisbu bosta avvanzi fid-drittijiet ċivili tal-minoranzi fosthom il-moviment imexxi min Martin Luther King u il-Partit tal-Black Panther.
Martin Luther King kien attivist soċjali u protagonist fil-moviment favur id-drittijiet ċivili fl-Amerika. Ispirat min-nies bħal Mahatma Ghandi, King kien motivat biex jikseb ugwaljanza għas-suwed fis-soċjetà Amerikana. Huwa mexxa bosta protesti paċifiċi li fosthom waslu biex kisbu l-leġiżlazzjoni ta’ Civil Rights Act tal-1964 u l-Voting Rights Act of 1965. King irċieva l-Premju Nobel fl-1964, erba’ snin biss wara hu kien ġie assasinat f’Memphis.
Filwaqt,il-Partit tal-Black Panther kien partit revoluzzjonarju bbażat fuq twemmin ta’ nazzjonaliżmu favur is-suwed. Huwa kien imwaqqaf minn Bobby Seale u Huey Newton f’Ottubru tal-1966 bl-għan li partitarji jagħmlu numru ta’ rondi f’Kalifornja biex jipproteġu ċittadini f’minoranzi razzjali minn vjolenza mill-pulizija.