‘Għal min jgħid li l-Marsin razzisti ejjew hawn u araw b’għajnejkom’
L-ILLUM marret il-Marsa u tkellmet ma’ numru ta’ residenti, ix-xorb u l-abbuż ta’ droga l-aktar li qed jinkwetahom
minn Liam Carter
Iktar kmieni din il-ġimgħa, numru sostanzjali ta’ Marsin, ħabbru li nhar il-Ħadd illi ġej jipprotestaw kontra l-istat li tinsab fih il-Marsa.
Fid-dawl ta’ dan il-gazzetta ILLUM għamlet eżerċizzju fejn niżlet fit-toroq tal-Marsa speċifikament fiż-żona ta’ ħdejn il-knisja tat-Trinità u tax-xatt fejn tkellmet ma’ madwar 25 resident. Lir-residenti, din il-gazzetta staqsiethom għalfejn iħossuhom daqstant urtati tant li ser tkun organnizzata din il-protesta.
Diversi residenti li tkellmu mal-ILLUM, spjegaw fil-fond diversi problemi li ilhom jiffaċċjaw ruħhom magħhom snin twal. F’dawn id-diskussjonijiet skjetti, spikkaw problemi bħal; ksur tal-paċi pubblika b’atti oxxeni, ħsarat f’proprjetà privata, nies fis-sakra u n-nuqqas ta’ sigurtà u inċertezza li donnha nħolqot f’din il-lokalità.
Fil-ġranet li għaddew, il-Pulizija ta’ Malta għamlet numru ta’ rejds bl-għan li jonqos l-abbuż ta’ xorb u rqad fit-toroq filwaqt li tiġi ċċekkjata l-identità tal-immigranti li jkunu preżenti fil-Marsa.
'Dawn il-jumejn donnu il-Marsa reġa’ ġie bħal dak ta’ 12-il sena ilu'
Ryan Spiteri, resident Marsi qalilna li “ġeneralment meta ma jkunx hawn pulizija, ikun hawn ġenn kbir, nista’ nitkellem dwar l-affarijiet li ġarrabt jien, kemm il-darba sofrejt ħsarat sostanzjali fil-karozza tiegħi, ‘windscreen’ imkisser, fanali.. tmur tagħmel rapport l-għassa u kollox għalxejn, la wieħed m’għandux biex iħallas anqas ħaqq teħel l-ispejjeż tal-avukat.”
“Dawn il-jumejn, bl-azzjoni li ħadu l-awtoritajiet, donnu l-Marsa reġa’ ġie bħal dak ta’ 12-il sena ilu” sostna Spiteri.
Spiteri, kompla jitkellem fil-fond mal-ILLUM fuq il-problema, “Dan ċertament mhux każ ta’ razziżmu,” jgħidilna Ryan, “setgħu kienu Maltin. Naħseb kulħadd jidejjaq issib ċorma nies wara biebu, fis-sakra jagħmlu l-istorbju bi nhar u bil-lejl.”
Dawn huma affarijiet li kulħadd għandu jiġi trattat l-istess fuqhom, kieku nkun jien li skirt u għamilt il-faċendi barra, jarrestawni u probbabli niġi mmultat. Allura fil-każ ta’ dawn hu sew li jiġu arrestati u minħabba l-fatt li m’għandhomx identifikazzjoni jiġu meħlusa wara 24 siegħa? temm jistaqsi Spiteri.
“Illum bully. Hawn il-kwiet” qalilna Vince Micallef resident ieħor li dejjem sejjaħ lill-Marsa bħala d-dar tiegħu. “Ilu ma jkun hekk il-Marsa żmien, tgħid għall-inqas tista’ toħroġ tagħmel żewg passi. Is-soltu orrur, hemm minnhom nies sew, jaħdmu u jistinkaw però hemm ħafna li ma jimxux mar-regoli tas-soċjetà, kulħadd fis-sakra rieqed fuq il-bankini, bankijiet jew fil-ġonna.”
Charles Cutajar pensjonant ta’ 67 sena spjegalna r-ritwal diffikultuż li jkollu jagħmel ta’ kuljum, “Kull filgħodu jiena irrid nqum naħsel il-faċċata, kulħadd jixrob il-birra u jorqod hawn barra, hawn ħafna minnhom tajbin jiġu hawn jaħdmu u jirrispetawk però hawn ħafna li jaġixxu donnhom qegħdin ’l fuq mil-liġi”
Victor Caruana li wkoll minn dejjem għex il-Marsa ilmenta mal-ILLUM fuq is-sitwazzjoni preżenti, “Kulħadd għaddej jixrob il-birra, u l-ispirti, mara tibża’ tgħaddi għax jittantawa u jagħmlu anke avvanzi fuqhom. Jekk tinżel iktar ’l isfel issib żona ta’ droga, kulħadd jaf xi ssib hemm, droga mill-aqwa u min tal-aħħar.”
F’dawn id-diskussjonijiet, sikwit spikkaw stejjer xokkanti li ħafna mid-drabi kienu jinvolvu atti oxxeni fil-pubbliku.
Marija Gauci, armla ta’ 73 sena qaltilna li tiftakar il-lokalità tal-Marsa ‘totalment differenti’. Hi rrakkuntatilna esperjenza riċenti li ġarrbet, fejn allegatament, immigrant għamel atti oxxeni fil-pubbliku waqt li din kienet miexja għall-affari tagħha.
Magda Camillieri residenta oħra tal-Marsa wkoll tkellmet ma’ din il-gazzetta fuq aċċident simili li din għaddiet minnha.
Setgħu kienu Maltin. Naħseb kulħadd jidejjaq issib ċorma nies wara biebu, fis-sakra jagħmlu l-istorbju bi nhar u bil-lejl
“Jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom fl-apert, inkun qed naqsam minn fuq il-pont kemm-il darba narahom, ma jidejqu minn ħadd sirt nibża’ niġi quddies hawn,” sostniet Camillieri.
Tkellimna wkoll ma’ Noel Buttigieg, bniedem li hu mdaħħal sew fix-xena sportiva tal-Marsa partikolarment mat-tim tal-futbol tal-Marsa.
“Jiġu ġenituri hawnhekk jgħiduli, daqshekk ser jinżlu għat-taħriġ it-tfal għaliex ma naħsibx li n-nursery qiegħda f’ambjent adekwat... Ma tagħtihomx tort, seringi użati, fliexken tal-birra u nbid vojta, dan aparti l-fatt li bosta immigranti jixorbu l-akoħol fil-ġnien viċin n-nursery. Dak l-eżempju għat-tfal li qegħdin jitgħallmu jkunu attivi? sostna Buttigieg.
“Il-Marsa hija lokalità pjuttost anzjana, ħafna min-nies bħali l-mowbajl kemm inċemplu u forsi nibagħtu messaġġ, allaħares il-Marsa kien lokalità żagħżugħa għaliex kieku tissorprendu ruħkom bil-videos,” saħaq Buttigieg
Iddispjaċut Noel kompla jgħidilna li n-nuqqas ta’ edukazjoni huwa allarmanti specjalment fil-konfront ta’ ndafa u sanità. “Lanqas nieqaf nitkellem fuq dawn l-affarijiet, aħna minsijin minn kollox u minn kulħadd, kellhom isiru dawn l-azzjonijiet mill-awtoritajiet biex jiġri xi ħaġa?” Hu kompla jgħid “jien nagħmel stedina għal min jgħid li l-Marsin razzisti jew qegħdin isibu x-xagħra fl-għagina, ejjew għamlu ġurnata jew tnejn hawnhekk u taraw b’għajnejkom”
Josephine Cachia eks sid ta’ ħanut żgħir fil-Marsa, qalet lil din il-gazzetta, id-diffikultajiet li kienet tafaċċja ruħha magħhom ta’ kuljum. “F’dik il-kantuniera kelli ħanut, imnalla għalaqtu... serquni ma nafx kemm-il darba sawtuli t-tifla. Mar jaqbeż ir-raġel għaliha gidmuh f’idejh anke kellu bżonn attenzjoni medika minħabba l-attakk” qaltilna Cachia.
'Biex nidhru fil-gallarija tajjeb imbagħad ma nagħmlu xejn'
F’kummenti ma’ din il-gazzetta is-Sindku tal-Marsa Francis Debono tkellem dwar il-problemi li ħakmu l-Marsa u wkoll dwar il-pjan ta’ protesta ta’ nhar il-Ħadd li ġej.
“Jien qatt ma kont kontra li ssir protesta però trid tara kif ser teskala l-protesta. Ma nixtieqx nara l-protesta ffukata fuq il-bażi ta’ individwi.” Debono kompla jgħidilna kif “il-problema reali ilha tiġi akkumulata hawnhekk min mindu fetaħ iċ-ċentru miftuħ.” Dwar dan iċ-ċentru Debono qalilna li dan “mhuwiex post fejn wieħed jidħol u jibqa’ hemmhekk, anzi huwa post fejn wieħed jidħol jagħmel sitt xhur jew sena mbagħad joħroġ minnu u jmur għal rasu.”
“Min joħoda, kontra l-pulizija jew kontra l-awtortajiet naħseb għaliex din il-problema mhix qiegħda wara biebu,” qalilna Debono. Filwaqt li kompla jitkellem dwar dawk li skont hu jkunu hemm għall-immigranti biss f’mumenti ta’ pubbliċità. “Darba minnhom marru 14–il avukat jagħmlu protesta kontra l-gvern, meta kienu ser jiġu deportati numru ta’ immigranti, dawn l-14 l-avukat hawn jgħixu?”
L-NGOs li tant niftaħru bihom, fejn qegħdin? L-ewwel jgħidu ejja ngħinu mbagħad nitilquhom fil-vizzju tax-xorb u d-droga? “Biex nidhru fil-gallarija tajjeb imbagħad ma nagħmlu xejn”
Debono saħaq li id-deċiżoni tal-gvern Taljan li jiprovdi ‘work permits’ għall-immigranti fl-Italja, li b’dawn id-dokumenti l-immigranti jkunu jistgħu jimxu madwar l-Ewropa u jaħdmu legalment, qiegħda tkun ta’ stress żejjed fuq lokalitajiet bħall-Marsa, fejn influss kbir ta’ immigranti qegħdin jirrelokaw hawnhekk bla xogħol u lanqas residenza fissa bir-riżultat li jispiċċaw jorqdu barra jew ġo xi dar mhux adekwata.”