Mizzi jwissi li jagħlaq l-Air Malta jekk il-Unions ma jikkoperawx

Il-Ministru Konrad Mizzi saħaq li bla koperazzjoni, l-Air Malta tista' tagħlaq u terġa' tiftaħ b'ħaddiema ġodda

.
.

Il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi qiegħed ‘jhedded’ li jagħlaq l-Air Malta u jerġa’ jiftaha b’ħaddiema ġodda. Dan jekk l-impjegati tal-linja tal-ajru nazzjonali u rappreżentanti tagħhom jibqgħu ma jikkoperawx mal-kumpanija f’dan iż-żmien diffiċċli.

Il-Ministru żvela dan mal-gazzetta MaltaToday fid-dawl tal-għidut li s-sezzjoni tal-cabin crew qiegħda fil-proċess li tħabbar miżuri industrijali.

Il-Union tal-cabin crew qiegħda titfa’ l-pressjoni tagħha fuq il-kumpanija sabiex taċċetta diversi talbiet fosthom: iż-żieda fis-salarju tal-impjegati u li jerġgħu jiddaħlu immedjatament bosta impjegati li riċentament tilfu l-post tax-xogħol tagħhom.

Il-Ministru Mizzi qal li “jekk l-impjegati u l-unions ma jifmhux li għandhom bżonn jaħdmu mal-kumpanija u l-Gvern, sakemm nimplimentaw diversi bidliet sabiex il-linja tal-ajru terġa’ tagħmel profitt, il-Gvern jaf ma jkollux għażla oħra ħlief li jagħlaq l-Air Malta u jerġa’ jiftaħha b’nies ġodda.”

Mizzi kompla jgħid li “biex nagħmilha ċara bħalissa hemm probabbiltà kbira li l-istrateġija tagħna tkun ta’ suċċess u li l-Air Malta ssalva u terġa’ tkun profitabbli. Dan ma jistax isir jekk mhux kulħadd jaqbel mal-pjan.”

Nhar l-Erbgħa li ġej, għandha ssir laqgħa li fiha mistenni jiġu diskussi t-talbiet kemm dawk tal-cabin crew, kif ukoll dawk tal-piloti, b’dawn tal-aħħar qegħdin jitolbu żieda ta’ 30% fil-paga.

Skont l-istess sorsi, il-Gvern mhuwiex preparat li jaċċetta dawn it-talbiet, dan minħabba li b’dawn iż-żidiet, il-linja tal-ajru tkun f’sitwazzjoni finanzjarja diżastruża li saħanistra l-Air Malta lanqas tkun tista’ tapplika u tibbenefika minn fondi kemm lokali kif ukoll Ewropej.

More in Politika