(Mhux) l-aqwa żmien għal-lampuki
L-ILLUM tmur Marsaxlokk, u titkellem mas-sajjieda dwar l-istaġun tal-lampuki u l-isfidi li jiffaċċjaw fl-ibħra Maltin
minn Liam Carter
Il-15 ta’ Awwissu jfisser żmien ta’ ċelebrazzjoni u rilassament għal bosta Maltin, iżda għas-sajjieda dan ikun ifisser il-bidu tal-istaġun tal-lampuki, il-ħuta sinonima mal-gżejjer Maltin, iżda ħuta li donnu f’dawn l-aħħar snin il-provista tagħha f’gżiritna kienet skarsa.
L-ILLUM niżlet fil-lokalità ta’ Marsaxlokk fejn tkellmet ma’ bosta sajjieda u magħhom ippruvat tifhem is-sitwazzjoni tas-sajd għal-lampuki.
Bosta sajjieda spjegawlna kif is-sitwazzjoni tal-lampuki nbidlet maż-żmien. “Din kienet ħuta li fl-imgħoddi s-sajjieda Maltin biss kienu jistadu għalija, is-sitwazzjoni nbidlet hekk kif issa sajjieda Taljani, Spanjoli, Griegi u Tuneżini kollha qegħdin jistadu għaliha.” sostna Carmel Bajada sajjied ta’esperjenza vasta.
Tul dawn id-diskussjonijiet skjetti, spikkaw dettalji, ta’ kompetizzjoni ħarxa u kif ukoll illegali minn sajjieda barranin.
Żewg sajjieda partikolari rrakontawlna l-episodji frekwenti tagħhom ma’ sajjieda Tuneżini. “Dawn sikwit ikunu qegħdin jistadu fuq iċ-ċimi tagħhom”, sostna wieħed mis-sajjieda pjuttost irrabjat.
"Wara dan ix-xogħol kollu li tipprepara għal dan l-istaġun, toħroġ biex taqla’ lira u ssib sajjieda oħra fuq iċ-ċima tiegħek"
Iċ-ċimi huma ż-żoni fejn sajjied, bil-liġi jkun permess li jistad. Dan il-permess ma jiġix mogħti lis-sajjieda kif ġie ġie anzi, hemm proċess fejn is-sajjieda japplikaw għall-permess biex dawn ikunu jistgħu jistadu f’distrett jew żona partikolari. Permess li jingħata lis-sajjieda bil-polza. Din iż-żona ma ġġib l-ebda garanzija ta’ xi qabda ħut tajba hekk kif iddeskriviha sajjied partkiolari, “taf tiġik warda jew taf tiġik xewka.”
“Wara dan ix-xogħol kollu li tipprepara għal dan l-istaġun, toħroġ biex taqla’ lira u ssib sajjieda oħra fuq iċ-ċima tiegħek…sikwit ikollna konfrontazzjonijiet ma’ sajjieda Tuneżini, dawn ma jimxux mar-regoli li aħna u pajjiżi oħra tal-Ewropa nimxu magħhom.”
“Kieku nagħmlu xi ħaġa simili aħna, jittieħdu passi kontrina iżda fil-konfront ta’ dawn is-sajjieda, qatt ma jsir xejn... il-lampuki fid-dgħajjes tat-Tuneżini qegħdin.”
Is-sajjieda rrakuntaw episodju xokkanti fejn darba fost l-oħrajn, 78 mil barra minn Malta, lemħu trawler li kien qiegħed tistad fiż-żona tagħhom. Meta dawn marru jikkonfrontawhom, is-sajjieda Tuneżini, insulentawhom u ma tawx kashom. Sussegwentement mas-sitt dgħajjes oħra ċċurkundawhom.
“Ċempilna bit-telefown tas-satellita lill-awtorità Maltija, għidnilhom, x’kien ġara u biex kemm jista’ jkun ma jdumux għaliex siegħa oħra toħorġu tfittxuna u tiġbruna minn wiċċ l-ilma. Xi sagħtejn wara l-awtoritajiet bagħtu ajruplan zgħir li ġġibet xi ritratti tad-dgħajjes, ftit tal-ħin wara beżgħu u telqu ’l hemm ” qalulna s-sajjieda.
"L-awtoritajiet qatt ma tawna avviż lura fuq x’jiġri b’dawn ir-raporti ta’ kunflitti mas-sajjieda Tuneżini."
“Iddejjaqna nirrapurtaw, iddejjaqna naħlu l-bżieq” qalulna sajjieda, “dawn mhumiex affarijiet ta’ politika ilhom jiġru, però l-awtoritajiet qatt ma tawna avviż lura fuq x’jiġri b’dawn ir-raporti ta’ kunflitti mas-sajjieda Tuneżini.”
“Dan l-istaġun jagħti xiehda tal-problema, gawdejna gimgħa biss imbagħad kollox lejn Tuneż... skarsezza kbira, kulħadd sar jattaka għaliha l-lampuka,” qalilna s-sajjied.
Sajjied lokali ieħor li tkellem ma’ din il-gazzetta qalilna li anke l-kompetizzjoni lokali żdiedet hekk kif din is-sena mal-120 dgħajsa lokali ħarġet għal-lampuki, figura li kważi rduppjat mis-sena l-oħra ’l hawn.
10 snin ilu, kilo lampuki kien jiswa 50 ċentezmu, illum il-ġurnata l-istess piż jiswiek €9, prezz li ma tantx qed jappella lill-familji Maltin li kienu jixtru din il-ħuta b’ħafna inqas flus. Iżda l-popolarità ta’ din il-ħuta ma naqsitx mat-turisti hekk kif, bosta restoranti fiż-żona ta’ Marsaxlokk qalulna li diversi turisti jistaqsu għal xi wieħed mill-platti tradizzjonali tal-lampuki.