Filmat | Cacopardo jaqbel li jsir referendum ieħor dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa

Intervistat mill-gazzetta ILLUM jgħid li dak li jista' se jagħmlu biex ibiddel ir-riżultat tar-referendum li sar fl-2015

Carmel Cacopardo, Chairperson tal-Alternattiva Demokratika
Carmel Cacopardo, Chairperson tal-Alternattiva Demokratika

Iċ-Chairperson il-ġdid tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo ma jeskludix li l-Alternattiva Demokratika tkun parti minn proċess illi jwassal biex isir it-tieni referendum f’attentat ieħor biex tkun abolita l-kaċċa fir-Rebbiegħa.

F’intervista mal-gazzetta ILLUM u mistoqsi jekk jeskludix li l-AD tikkontempla li terġa tiftaħ il-proċess biex isir it-tieni referendum Cacopardo wieġeb hekk; “L-AD ma ħadet ebda deċiżjoni biex isir jew jibda l-proċess tat-tieni referendum dwar il-kaċċa, imma ma neskludi xejn u aħna kull inizjattiva biex jerġa jsir referendum ieħor nappoġġjawha.”

L-ILLUM staqsiet lil Cacopardo jekk iħossx li l-attitudni tiegħu turix illi l-AD m’aċċettatx ir-riżultat tar-referendum li sar fl-2015 u li ntrebaħ minn dawk li kienu favur il-kaċċa b’distakk żgħir. Cacopardo jinsisti li l-liġi stess tipprovdi li wara sentejn jista’ jerġa jsir referendum ieħor. “Il-punt hu li jien ma naqbilx ma’ dak ir-riżultat u jekk ikun hemm il-possibilità li nbiddluh, jien dik il-possibilità se neħodha.”

Il-BirdLife, diġa għamlitha ċara li referendum ieħor huwa biss l-aħħar soluzzjoni. F’Marzu li għadda l-għaqda qalet li l-ewwel ħaġa li għandu jsir huwa li Gvern jikkunsidra l-istudji u l-evidenza xjentifika li għandu f’idejh li "juru illi hemm raġunijiet biżżejjed biex ma jinfetaħx l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa."

Il-kaċċa reġgħet telgħet fuq l-aġenda tal-pajjiż f’dan it-tmiem il-ġimgħa hekk kif kienu sparati tiri lejn żewġ fjammingi. Dan l-att ġab rabja u stmerrija minn bosta, inkluż mill-Birdlife u l-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK). 

More in Politika