Il-Parlament Ewropew ospita konferenza ta’ livell għoli fi Brussell illum, il-Jum Internazzjonali tat-Turiżmu, bit-tema Strateġija Ewropea għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija tat-turiżmu. Fil-ftuħ tad-dibattitu, il-President Tajani ddikjara li “t-turiżmu huwa settur ewlieni għall-Istati Membri kollha tagħna, li jgħodd għal 10% tal-PGD u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Huwa industrija fih innifsu, parti essenzjali tal-mużajk li hija l-industrija tal-Ewropa.
“Tul l-10 snin li ġejjin, in-numru ta’ turisti internazzjonali mistenni jirdoppja, grazzi għall-klassi medja ġdida, bil-flus x’tonfoq, li ġejja primarjament mill-Asja.
“Bejn illum u l-2025 in-numru ta’ turisti li qed jiġu fl-Ewropa jista’ jirdoppja wkoll – għal iktar minn biljun – u joħloq iktar minn 5 biljun impjieg ġdid. Jekk irridu nagħmlu minn din il-possibilità realtà, irridu nsaħħu l-kapaċità tagħna li nibqgħu kompettitivi f’ambjent globali dejjem iktar kompetittiv, u dan parzjalment billi nikkoperaw iktar mill-qrib fil-livell Ewropew”.
“Irridu niffukaw l-isforzi tagħna f’numru ta’ setturi: nattiraw iktar investiment, permezz ta’ pjan strateġiku li jippermettielna nagħmlu użu ikbar u iktar effettiv mill-finanzjament tal-UE; intejbu l-ambjent għan-negozju; nippromwovu taħriġ li jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-industrija; niggvernaw ir-rivoluzzjoni diġitali; u nisfruttaw is-sinerġiji bl-għan li nippromwovu l-Ewropa bħala destinazzjoni fis-swieq internazzjonali,” qal is-Sur Tajani.
“It-taħriġ huwa fattur ewlieni, meta nqisu li l-kumpaniji fl-industrija tat-turiżmu għandhom ħafna aktar problemi biex isibu persuni bit-tip ta’ ħiliet li jfittxu. B’aktar investiment nistgħu noħolqu wkoll opportunitajiet ta’ xogħol f’dawk il-partijiet tal-Ewropa fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa mal-50%. L-industrija tat-turiżmu, għalkemm se tiġi affettwata bil-kbir mir-rivoluzzjoni diġitali, xorta waħda se jkollha bżonn forza tax-xogħol kbira, li 20% tagħha tkun magħmula minn żgħażagħ taħt il-25 sena,” enfasizza l-President Tajani.
“Irridu wkoll nikkompletaw is-suq uniku tas-servizzi u s-suq uniku diġitali, bl-għan li nsaħħu r-regoli tal-kompetizzjoni u niżguraw li pjattaformi diġitali joperaw skont l-istess kundizzjonijiet u bl-istess arranġamenti fiskali bħall-kumpaniji l-oħra kollha.
Jekk irridu nattiraw aktar turisti internazzjonali, għandna ningħaqdu flimkien u nippromowvu lill-Ewropa nfisha bħala destinazzjoni, bl-istess mod li l-Amerika, il-Kanada jew l-Awstralja jippromwovu lilhom infushom
Antonio Tajani
Bħala medja, turist Ċiniż iżur erba’ jew ħames Stati Membri Ewropej. L-enfasi tal-kompetizzjoni mhijiex bejn l-Istati Membri, iżda mal-Asja, l-Amerika, il-Karibew u l-Paċifiku. Jekk irridu nattiraw aktar turisti internazzjonali, għandna ningħaqdu flimkien u nippromowvu lill-Ewropa nfisha bħala destinazzjoni, bl-istess mod li l-Amerika, il-Kanada jew l-Awstralja jippromwovu lilhom infushom. Il-Pjattaforma Konġunta ta’ Promozzjoni proposta mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea tal-Ivvjaġġar u r-reġjuni fin-netwerk Necstour, hija pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu irridu nżidu l-isforzi tagħna aktar, billi nipprovdu baġit xieraq għal din il-Pjattaforma”, qal il-President tal-Parlament Ewropew.
Il-President Tajani kkonkluda d-diskors tiegħu billi ddikjara li “l-baġit li jmiss tal-Unjoni għandu jkun aktar politiku u jirrifletti t-tħassib taċ-ċittadini, bħal pereżempju l-ħtieġa li jiġi indirizzat il-qgħad. Fir-riżoluzzjoni ta’ inizjattiva proprja adottata abbażi tar-rapport De Monte, il-Parlament Ewropew appella sabiex il-baġit li jmiss jinkorpora fond speċifiku għat-turiżmu”.