Il-Bord tad-Diretturi tal-PBS jgħid li m'għandux fiduċja f'John Bundy

Il-Bord jakkuża lil Bundy b'theddid meta ma qablux ma' xi deċiżjoni li ħa u jgħid li se juri sfiduċja fih

John Bundy, Kap Eżekuttiv tal-PBS
John Bundy, Kap Eżekuttiv tal-PBS

Il-Bord tad-Diretturi tal-PBS infurmaw lil Tonio Portughese, Chairman tal-istess stazzjon, li m'għandhomx fiduċja f'John Bundy bħala Kap Eżekuttiv tal-PBS. Il-Bord tad-Diretturi fl-ittra qed jgħid illi qabel unanimament ma' din it-talba wara li Bundy "wera nuqqas ta' rispett u għarfien lejn l-obbligi legali tal-bord."

Il-Membri tal-Bord tad-Diretturi saħansitra akkużaw lil Bundy b'theddid legali meta ppruvaw imorru kontra l-ordnijiet tiegħu. 

L-ittra sħiħa tal-Bord tad-Diretturi tgħid hekk; 

“Il-Bord tad-Diretturi f’laqgħa msejħa apposta qies il-mod kif is-CEO tal-kumpanija f’bosta okkażjonijiet, injora lill-Bord tad-Diretturi u ħa deċiżjonijiet li għalihom kien jeħtieġlu jkollu l-approvazzjoni tal-istess Bord. 

Il-Bord tad-Diretturi jqis l-atteggjament tas-CEO lejh bħala wieħed li mhux biss juri nuqqas ta' rispett iżda agħar minn hekk, juri nuqqas ta' għarfien  ta' x'għandha tkun ir-relazzjoni bejn is-CEO u l-Bord tad-Diretturi li quddiem il-liġi għandhom responsabbiltajiet personali kbar għal dak kollu li jiġri fil-kumpanija. 

Il-Bord tad-Diretturi qies ukoll li meta dehrlu li għandu jipprova jibdel deċiżjonijiet arbitrarji tas-CEO li waslu quddiem il-Bord bħala fatti kompluti, id-diretturi sabu ma wiċċhom tħeddid ta' passi legali kontra l-kumpanija u kontrihom personalment. 

Fid-dawl ta' dan kollu, il-Bord tad-Diretturi jħoss li ma jistax jittollera aktar din is-sitwazzjoni u għaldaqstant jiddikjara li m'għadx għandu fiduċja fl-operat tas-CEO tal-kumpanija.”

L-ILLUM qed tipprova tagħmel kuntatt ma' John Bundy għar-reazzjoni. 

More in Politika