Il-Baġit u l-but... skont il-unions tal-ħaddiema

Iż-żewg unions prinċipali f’pajjiżna b’għadd ta’ proposti indirizzati lil gvern, hekk kif għada jitressaq il-Baġit

Illejla l-Baġit, eżerċizzju illi matulu l-Gvern jagħti ħarsa lejn is-sena li għaddiet u dik li għadha ġejja, f’termini ekonomiċi, u finanzjarji.

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-unions prinċipali tal-ħaddiema, f’Malta, l-GWU u l-UĦM elenkaw proposti b’temi varji, minn proposti dwar l-anzjani għal oħrajn dwar il-vaganzi pubbliċi.

Fl-għeruq tal-proposti, l-iżvilup soċjali u t-tisħiħ tas-suċċess ekonomiku,  flimkien mal-għajta ta politika responsabli li tħares lejn il-preżent kif ukoll lejn il-ġejjieni.

X’qed jipproponu rigward il-ħlas ta’ taxxa fuq dħul mis-sahra ?

Il-GWU qegħda tipproponi li; “titnaqqas ir-rata tat-taxxa fuq ix-xogħol part-time u tinżel minn  15% għal 10%. Fl-istess waqt s-sahra għandha tkun intaxxata bir-rata ta’ 10%.”

Il-UĦM qed tipproponi li, “ b’rati iżjed baxxi fit-taxxa tad-dħul fuq ħlasijiet mis-sahra, il-ħaddiema jista’  jibqagħlom aktar mid-dħul gross tagħhom, b’riżultat li jkollhom iżjed x’jonfqu.”

X’qed jipproponu l-unions fuq il-pensjonijiet ?

Il-UĦM qalet li “l-union tibqa’ tisħaq li pensjonijiet ibbażati fuq ix-xogħol huma neċessarji sabiex jissuplimentaw id-dħul tal-irtirar.

Għal dawk li dalwaqt jirtiraw, u li malli jilħqu l-eta’ tal-irtirat ma jkunux ħadmu sena sħiħa, nipproponu li tali persuni jitħallew iħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali li tkopri perijodu ta’ 12-il xahar.”

Il-GWU minn-naħa tagħha proponiet għadd ta’ miżuri fir-rigward tal-pensjonijiet fosthom li ; “togħla l-pensjoni massima, issir reviżjoni ta’ numru ta’ pensjonijiet bħal, pensjoni tal-wens u dik tad-diżabilta, tkun implimentata l-wegħda li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tingħata l-istess lil kulħadd immaterjali meta wieħed jibda jitqies bħala pensjonant u li r-reviżjonjiet fil-pensjonijiet ikunu maħduma fuq is-salarju kurrenti u mhux fuq id-differenza bejn is-salarju kurrenti u l-ogħla salarju li kellu l-individwu, ħalli tiġi mneħħija anomalija kbira li ħafna pensjonanti qegħdin ibatu biha.”

Fuq il-pensjonijiet ta’Korpi Dixxiplinati bħal Pulizija u l-forzi Armati ta’Malta, il-GWU qalet li “l-membri tal-Korpi Dixxiplinati ilhom snin twal jaħdmu 46 siegħa fil-ġimgha, iżda jitħallsu ta’ 40 siegħa, għalhekk l-GWU temmen li wasal iż-żmien li l-membri tal-Kori Dixxiplinati jkollhom is-sigħat maħduma żejda riflessa fil-paga. Naturalment din għandha tkun ukoll riflessa fil-pensjoni.”

Ħdud u festi pubbliċi

Il-GWU qegħda tipproponi li l-gvern li “b’mod immedjat jingħataw lura lil-ħaddiema kollha l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.”

Flimkien ma’ dan il-GWU proponiet ukoll li “l-ħaddiema li jaħdmu fil-Ħdud għandhom jitħallsu b’rata ta’ sagħtejn ħlas għal kull siegħa xoghol u l-ħlas ta’ dawk li jaħdmu fil-festi pubbliċi għandu jkun ta’ tliet sigħat ħlas għal kull siegħa xogħol.”

Fuq il-proposta sabiex jingħata kumpens għal numru ta’ vaganzi pubbliċi mnaqqsa l-UĦM qiegħda tipproponi li, “jiżdied il-bonus annwali statutorju li jingħata lill-ħaddiem mal-paga bażika.”

Il-problema tat-traffiku... fuq din x’jgħidu l-unions?

Skont l-UĦM, waħda mill-miżuri li l-gvern għandu jieħu sabiex titaffa l-problema tat-traffiku hi li “jiġu arranġati ċentri tat-trasport bejn il-gvern u l-privat. Dan jista’ jsir billi jinħolqu spazji għall-parkeġġ li jkunu provduti tul rotot stabbiliti mit-Tramuntana ta’ Malta san-Nofsinhar tal-gżira.”

Il-problemi tas-suq tal-kera u l-proprjetà...

Il-GWU qed tipproponi li “ jinħarġu skemi ġodda ta’ xiri ta’ propjetà simili għall-iskema tal-Home Ownership Scheme” filwaqt li l-istess union qiegħda tipproponi li “l-gvern għandu jżid is-sussidju fuq il-kirijiet biex persuni fuq il-benefiċċji soċjali jkunu jistgħu jiksbu akkomodazzjoni diċenti.”

Fuq is-suq tal-housing soċjali l-GWU saħqet fuq “il-bżonn li l-gvern jimbarka fuq investiment qawwi fil-Housing Soċjali”

Għaldaqstant il-proposti tal-UĦM jiffokaw fuq żewg binarji fosthom fuq il-bejgħ ta’ proprjetajiet vakanti u reviżjoni tal-iskema first-time-buyer. L-union qed tipproponi li “sabiex tingħata spinta lis-suq tal-proprjetà, nipproponu li propretajiet li jkunu tħallew vakanti għal mhux inqas minn ħames snin, ikunu eżenti mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali.

Dan filwaqt li l-union qalet li “propjetà mhux residenzjali m’għandhiex tkun kategorrizzata taħt l-iskema tal-first-time-buyer.”

Il-liġi preżenti tal-first-time-buyers ma tagħmilx distinzzjoni bejn propjetà li hi residenzjali u propjetà oħra li ma tkunx.

F’każ li individwu jkun fil-passat xtara xi tip ta’ propjetà bħal garaxx jew saħanistra qabar dan ma jkunx jista’ jibbenifika mill-għajnuna finanzjarja mill-gvern, għaliex f’għajnejn il-gvern fil-ħin tal-applikazzjoni dan ma jkunx qiegħed verament jakkwista l-ewwel propjetà tiegħu.

Proposti għat-tfal tagħna...

L-UĦM, qiegħda tipproponi li “irrespettivament mid-dħul finazjarju tal-familji, jingħataw lunch sustanzjuż b’xejn lit-tfal tal-iskejjel.”

Dan mhux biss, hekk kif, l-istess union qiegħda tipproponi li “jkunu rranġati jew jibnew swali fl-iskejjel sabiex jakkomodaw studenti mil-lokalità jew minn postijiet viċin għall-eżamijiet.”

Min-naħa l-oħra, il-GWU proponit li “servizz ta’ child care b’xejn ikun estiż għal-24 siegħa f’każi fejn ikun hemm nies li jaħdmu bix-xift.”

Is-servizz tas-saħħa, ix-xogħol u l-mard

Fuq dawn it-tliet realtajiet tal-ħajja l-GWU qiegħda tipproponi li l-ewwel nett “titkompla l-introduzzjoni ta’ Leave Mediku fil-pajjiż li jmur oltre’ mis-sick leave. Dan biex jiġu megħjuna persuni li jkunu għadejjin bil-kura tal-kanċer billi jingħataw numru ta’ sigħat ta’ leave bi ħlas biex ikunu jistgħu jattendu għall-kura.”

Il-GWU temmen ukoll li “għandu jsir sforz biex tiddaħħal kontabbiltà u għaqal fil-qasam tas-saħħa biex b’hekk ikun żgurat servizz b’xejn għal kulħadd filwaqt li jsir investiment fil-kura tal-mard mentali.”

Barra minn hekk l-union tipproponi li “jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex iċ-ċentri tas-saħħa joffru servizz u kura 24 siegħa kuljum”

Proposti li jolqtu lil min iħaddem..

IL-GWU qed tipproponi li “biex jissaħħaħ il-prinċipju ta’ ħlas ugawli għal xogħol ta’ valur ugwali l-gvern għandu jilleġiżla biex il-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-kuntrattur jew ta’ aġenziji ta’ xogħol temporanju jkunu ugwali għal dawk tal-ħaddiema direttament impjegati fl-istess post tax-xogħol fejn huma jkunu qed iservu.”

Filwaqt li “l-gvern għandu jillegiżla biex f’każ li ħaddiem fuq kuntratt definit jingħalaqlu l-kuntratt tiegħu, jekk l-istess post tax-xogħol ikun irid jimpjega fl-istess pożizzjoni, dan għandu jerġa’ jibgħat l-ewwel għall-persuna li jkun skadielha l-kuntratt definit.”

More in Politika