‘Se ssir aktar diffiċli li jiġu ffrodati ċ-ċertifikati akkademiċi’

Silvio Schembri jiddefendi s-sistema tal-blockchain u jgħid li din tnaqqas l-abbuż

Reċentament, il-Gvern Malti ffirma memorandum ta' qbil rigward l-użu tat-teknoloġija tal-‘blockchain’ fis-settur tal-edukazzjoni.

Il-blockchain huwa tip reġistru diġitali ġdid li bih, fenomeni teknoloġiċi tas-seklu 21, bħal muniti diġitali, huma possibli.

Fi studju reċenti, Gradutes Prospect UK, kumpanija ta’ esperti li tgħin u tiggwida lill-istudenti u lill-gradwati b’parir u informazzjoni għal opportunitajiet ta’ xogħol, sabu li kważi 75% tal-istudenti u l-gradwati jaħsbu li ż-żieda fil-miżati tal-iskola, qed tagħmilha iktar attraenti li jixtru xi ċertifikat falz.

Intant f’kummenti mal-ILLUM, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri sostna li bl-implimentazzjoni ta’ din it-teknoloġija f’dan is-settur , ‘degree fraud’ ser issir iktar diffiċli.

“Minħabba li ċ-ċertifikati se jibdew ikunu rreġistrati fuq il-blockchain, bil-ħin meta ġew irreġistrati u s-sorsi ta’ minn fejn ġew, huwa ferm aktar diffiċli li jiġu ffabbrikati ċ-ċertifikati, sostna Schembri

Hu kompla jispjega kif, meta din it-teknoloġija tibda tintuża fuq livell globali, se jonqos wkoll iċ-ċans li persuna tippreżenta ċertifikati foloz f’pajjiż ieħor għaliex iċ-ċertifikati jibdew jintalbu kollha fuq il-blockchain.”

 Rigward min se jkun eliġibli li jagħmel użu minn din is-sistema Schembri żvela li “ċ-ċertifikati se jkunu maħruġa fuq il-‘blockchain’ privata li l-propjetarju tagħha se jkun il-Ministeru tal-Edukazzjoni filwaqt li l-kumpanija Amerikana Learning Machine se tkun responsabbli mill-manutenzjoni tas-sistema.

Mistoqsi fuq kif il-gvern se jagħti aċċess lill-istudenti, Schembri qal li “l-istudenti se jkollhom aċċess għall-portafol diġitali tagħhom fuq din id-database, fejn xħin iridu jistgħu jaċċessaw iċ-ċertifikati personali tagħhom biss u jaqsmu din l-informazzjoni ma’ min jixtiequ pereżempju ma’ kumpaniji ta’ reklutaġġ.”

Schembri kompla jgħid li fil-ġejjieni, se “jiġi mwaqqaf regolatur bil-għan li jirregola dan is-suq ġdid filwaqt li jiffaċilita u jħeġġeġ ukoll l-iżvilupp ta’ xogħol u servizzi ġodda f’ dan il-qasam”

Dan ir-regolatur skond Schembri “se jiġi assigurat li dan isir bl-aktar mod serju, b’ mod li jirrispetta l-interessi tal-konsumatur kif ukoll li dan jsir b’rispett sħiħ lejn is-settur tas-servizzi finanzjarji li f’pajjizna huwa b’saħħtu ħafna.”

Apparti minn hekk il-membru parlamentari qalilna li l-Gvern  se jibda juża t-teknoloġija blockchain biex itejjeb is-sistemi tal-informatika tiegħu kif ukoll l-egov services li diġà joffri. 

“Nistgħu ngħidu li t-teknoloġija blockchain tista’ tintuża biex ittejjeb l-effiċjenza ta’ ħafna proċessi u servizzi tal-gvern. Dan għaliex ċertu transazzjonijiet jistgħu jsiru mill-ewwel f’ħin reali, ikunu ‘time stamped’, u dawn ma jkun jista’ jħassarhom ħadd.

More in Politika