Il-protesti issa jmorru għal quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-pulizija

Dalgħodu, uffiċjal mill-Uffiċju tal-Prim Ministru, jgħamel stedina lil tnejn mill-attivisti biex jiltaqgħu mal-Prim Ministru

In-Netwerk tas-Soċjeta’ Ċivili b’kollaborazzjoni ma’ Occupy Justice se jorganizza protesta 'sit-in' nhar il-Ħadd li ġej, il-ħamsa ta’ Novembru fl-4pm quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana.

Fi stqarrija iktar kmieni illum, In-Netwerk tas-Soċjeta' Ċivili insistiet fuq it-talbiet tagħha fosthom, għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, u li s-sostituti tagħhom jinħatru b'maġġoranza ta' żewg terzi tal-Parlament.

Intant, l-attivisti ta’ 'Occupy Justice' dalgħodu stennew il-Prim Ministru Joseph Muscat barra minn Kastilja, fil-Belt Valletta.

 L-attivisti qalu kif, uffiċjal tal-komunikazzjoni mill-Uffiċju tal-Prim Ministru, għamel stedina lil tnejn mill-attivisti biex jiltaqgħu mal-Prim Ministru. Peró l-attivisti qalu li riedu laqgħa uffiċjali, b'rappreżentazzjoni usa' tal-grupp preżenti kif ukoll tal-midja, peress li skontom “dak li qed jitlob il-grupp huwa ta' interess għas-soċjetà ċivili kollha li tilfet il-fidi fl-istituzzjonijiet tagħna. “

Nhar il-Ħadd, il-Prim Ministru qal li kien lest li jiltaqa' mal-attivisti pero skond l-istess grupp "l-ebda data ma ġiet proposta."

More in Politika