Analiżi | Il-qassis, il-vuċi politika tal-poplu mis-sagristija?

  • Hawn min jgħid li post il-qassis huwa fis-sangristija, li xogħlu huwa li jxandar il-vanġelu biss

L-għan tal-Knisja Kattolika hu li tistinka biex tifforma komunitajiet ta' dixxipli li jwasslu l-messaġġ ta’ Ġesù Kristu, messagġ soċjali imma messaġġ politiku b’saħħtu wkoll.

Ma ninsewx li minkejja d-divintà illi biha nqimu lil Ġesù, fi tliet snin li għamel jgħallem għadda messaġġi qawwija u diretti fil-konfront tal-awtoritajiet governattivi u ekkleżjastiċi ta’ dak iż-żmien.

Fuq gżiritna l-Knisja Kattolika hi direttament relevanti għall-istorja ta’ pajjiżna. Dan għaliex tul l-istorja l-knisja kienet responsabbli għall-kisbiet kbar li kisbet Malta. Fl-istess waqt però, responsabbli għall-firdiet li kellhom ifiqu għexirien ta’ snin wara.

Però dan kien żmien differenti, żmien meta kwistjonijiet fuq lingwa, l-integrazzjoni mar-Renju Unit u d-dħul fl-iskejjel tal-knisja rnexxielhom joħolqu firda f’pajjiż rellattivament żgħir.

Illum il-ġurnata l-ambjent politiku soċjali ċertament inbidel minn dak tas-60ijiet jew tat-80ijiet. Għaldaqstant sikwit naraw reazzjonijiet negattivi fil-konfront ta’ nies ekklesjastiċi meta jikkumentaw fuq kwistjonijiet politiċi jew anke jattendu avvenimenti politiċi.

Fid-dawl ta’ dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi nies fuq dan is-suġġett.

Hi ppruvat tifhem eżatt il-ħsieb wara r-reazzjonijiet negattivi, il-ħsieb wara l-parteċipazzjoni ekklesjastika li twassal għall-istess reazzjonijiet, kif ukoll jekk il-parteċipazzjoni attiva tikkompromettix jew tgħinx l-immaġini tal-Knisja Kattolika u t-tmexxija tagħha f’Malta.

Fost in-nies li tkellmu mal-ILLUM, insibu lil Father Colin Apap, qassis u personaġġ televiżiv magħruf sew. Skontu “kull darba li l-Knisja rikbet il-karru politiku partiġġjan il-messaġġ ta’ Kristu dejjem ġie mwarrab.”

Meta qassis jattendi laqgħa politika hu jkun qed jikkomprometti l-awtorità morali jew reliġjuża tiegħu dan meta wieħed jikkunsidra r-realtà politika ta' Malta?

Qassis, bħal kull ċittadin ieħor, għandu d-dritt li jesprimi ruħu dwar ir-realtà politika li Malta tkun għaddejja minnha. Dan hu dritt fundamentali tal-bniedem, id-dritt għal-libertà tal-ħsieb. Imma x’jiswa li inti tagħtini d-dritt li naħseb li rrid, mingħajr ma tagħtini wkoll id-dritt li nesprimi dak li naħseb.

Il-libertà tal-ħsieb u l-libertà tal-espressjoni huma żewġ naħat tal-istess munita. F’pajjiżi totalitarji ssib il-libertà tal-ħsieb, wara kollox ħadd ma jkun jaf x’qed naħseb u ħadd ma jista’ jikkontrollali ħsibijieti imma m’hemmx il-libertà tal-espressjoni.

Id-dritt li tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem huwa obbligu morali ta’ kull ċittadin. L-isem ġdid tal-paċi huwa l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment ta’ dawk li huma l-iżjed dgħajfin u bla vuċi.Ovvjament dan kulħadd jaqbel miegħu, sakemm ma tirfisx il-kallu ta’ min hu fil-poter.

Qassis jew reliġjuż li m’għandux għedewwa jfisser li qed jirrinunzja li jkun xhieda ħajja tal-vanġelu. Anke Kristu ġie msallab propju minn dawk li kienu jqisuh bħala theddida għall-poter tagħhom.

L-isqof Brażiljan, Helder Camara kien jgħid: “meta niddefendi lill-fqar jgħidu li jiena qaddis, imma meta nibda nsaqsi liema huma l-kawżi għaliex hawn il-faqar jibdew jgħidu li jien kommunist.L-Isqof ta’ San Salvador, Mons Oscar Romero, ġie assassinat waqt li kien qed iqaddes f’katidral minn skwadra mibgħuta mir-Reġim tal-lemin ta’ żmienu. Ġie maqtul huwa flimkien ma’ Ġiżwiti, sorijiet u nies oħra li kienu jiddefendu l-fqar. Sakemm hu kien iżomm ħalqu magħluq kienu jgħidu kemm hu konservattiv u tajjeb. Saħansitra l-Isqof Malti li kien nunzju appostoliku f’San Salvador, kien kiteb ittri kontrih lill-Vatikan biex ineħħuh. Trid tkun lest li tħallas prezz għall-ideat tiegħek.

Naħseb il-maġġoranza tan-nies jaċċettaw li qassis jew reliġjuż jgħid tiegħu, anke pubblikament, imma ma jaċċettawx li qassis ikun dejjem ma’ Partit kontra l-ieħor, hemmhekk jitlef il-kredibbiltà.

Kemm mir-reazzjoni negattiva  fil-konfront ta' qassisin voċiferi, li naraw fuq il-midja soċjali hija dovuta, għal fatti storiċi (l-interdett)? U kemm minnha hi dovuta għal mod tribali ta' kif ħafna Maltin iħarsu lejn il-politika? (jekk mhux magħna kontra tagħna)

Hemm differenza bejn politika u politika partiġġjana. Hawn Malta ftit huma l-ħassieba ġenwini politiċi, il-valuri u l-prinċipji jgħoddu biss, jew spiss, skont liema partit qed jagħmilhom u lil min qed nappoġġa politikament.

Dan ifisser li l-Poplu jkun kapaċi jiddistingwi bejn min hu ġenwin u bejn min juża l-“valuri” jew il-“ġid komuni” skont l-aġenda politika partiġġjana. Dan hu ta’ periklu kbir, kompromess bħal dan, ifisser li ma nistax nibqa’ niġi emmnut meta nitkellem dwar Alla, Ġesù Kristu, u l-Knisja. Revel Barker, ġurnalist Ingliż li ilu rtirat f’Għawdex għal bosta snin u midħla sew tar-realtà politika Maltija, jikteb: “F’Malta l-maġġoranza tan-nies m’għandhomx opinjoni, imma għandhom partiti.”

Issa meta qassis jidħol f’din il-loġika allura l-‘valuri’ li jgħid li jrid jiddefendi jfisser qed jesprimi ma’ liema karru politiku jitla’ jxejjer il-bnadar. Meta dan isir għal żmien twil, f’diversi amministrazzjonijiet differenti, u jibqa’ jgħid favur partit u kontra l-ieħor allura l-‘maskra’ tiċċarrat.

Taħseb li s-soċjetà Maltija llum saret iktar liberali fil-ħsieb konsegwenza illi għal ħafna, it-tagħlim soċjali tal-Knisja sar irrelevanti? Kemm jinkwetak dan?

Ħafna, inklużi n-‘nies tal-knisja’. Dawn ma tantx jafu liema huwa t-tagħlim soċjali tal-Knisja. Ħaġa li lanqas biss taf biha, hija rrilevanti jekk hix rilevanti jew le.

Pajjiżi bħall-Istati Uniti, hi kważi norma li gruppi Kristjani u anke l-Knisja Kattolika tgħid lis-segwaċi tagħha lil min għandhom jivvutaw jew jappoġġjaw. Għalfejn l-attiviżmu politiku ta' gruppi reliġjużi, primarjament il-Knisja Kattolika għadha ddejjaq daqsekk nies lokalment?

Il-Knisja ġiet imwaqqfa mill-Fundatur tagħha Ġesù Kristu biex twassal l-Aħbar it-Tajba u mhux biex tgħid lin-nies kif jivvutaw u lil min. Kull darba li l-Knisja rikbet il-karru politiku partiġġjan il-messaġġ ta’ Kristu dejjem ġie mwarrab. Fl-Italja, biex nagħtu eżempju viċin tagħna, il-Knisja Taljana, jew iktar eżatt, il-Konferenza tal-Isqfijiet Taljani (CEI) kienet tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lid-Democrazia Cristiana (DC), u tgħabbiet bit-tixħim, korruzzjoni li l-politiċi ‘tagħha’ ġew akkużati li wkoll instabu ħatja fil-Qrati. Kellha tagħlaq ħalqha biex ma tagħtix vantaġġ politiku lill-‘avversarji’ politiċi tagħha.

Hawn Malta hemm il-periklu li jiġri l-istess. Ma tistax tkun kredibbli meta tikkundanna apertament akkużi ta’ korruzzjoni li jkunu ġejjin minn Partit iżda meta l-Partit l-ieħor jiġi akkużat bl-istess trasgressjoni morali żżomm ħalqek magħluq għax ‘jużawk’ l-‘avversarji’ politiċi tal-Partit li tħaddan.

Taħseb li l-attiviżmu politiku, ta' nies fil-Knisja jservi biex ibiegħed jew iressaq iktar nies lejn il-Knisja?

L-attiviżmu politiku huwa tajjeb ħafna. Jekk dan ibegħedx jew irressaqx iktar jew le nies lejn il-Knisja jiddependi minn bosta fatturi li jmorru iktar ’il bogħod miċ-ċirkustanzi attwali.

Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ Fr.Rene Camillieri qassis u lekċerer fl-Univeristà ta’ Malta. Mal-illum Camillieri saħaq li “meta qassis jipparteċipa fix-xena politika b’mod partiġġjan ikun qed jikkomprometti ftit jew wisq il-pożizzjoni tiegħu.”

Meta qassis jattendi laqgħa politika hu jkun qed jikkomprometti l-awtorità morali jew reliġjuża tiegħu dan meta wieħed jikkunsidra r-realtà politika ta' Malta?

Minkejja li issa ilna s-snin li dħalna fl-EU, Malta, kontra dak kollu li lkoll ittamajna, baqgħet ma kibritx mill-polarizzazzjoni politika. Il-politiċi tagħna baqgħu jilagħbu l-logħba li taqbel lilhom. It-tnejn għandhom il-media tagħhom u t-tnejn jużaw il-media biex iżommu l-‘hard core’ kuntenti. Huwa appuntu dan il-‘hard core’ li baqa’ marbut ma’ mudelli ta’ politika antika u allura, fejn tidħol il-Knisja, ma’ mudell ta’ Knisja li xogħolha skonthom hu fis-sagristija.

Kemm mir-reazzjoni negattiva fil-konfront ta'qassin voċiferi, li naraw fuq il-midja soċjali hija dovuta, għal fatti storiċi (l-interdett)? U kemm minnha hi dovuta għal mod tribali ta' kif ħafna Maltin jħarsu lejn il-politika? (jekk mhux magħna kontra tagħna)

Li għadna tribali hu fatt u għadu evidenti ħafna. Min-naħa l-oħra però rridu nammettu wkoll li qassis għad għandu rwol pubbliku fis-soċjetà Maltija u jibqa’ fatt li meta qassis jipparteċipa fix-xena politika b’mod partiġġjan ikun qed jikkomprometti ftit jew wisq il-pożizzjoni tiegħu.

Taħseb li s-soċjetà Maltija llum saret iktar liberali fil-ħsieb konsegwenza illi għal ħafna, it-tagħlim soċjali tal-Knisja sar irrelevanti? Kemm jinkwetak dan?

Ma naqbilx li t-tagħlim soċjali tal-Knisja sar irrelevanti. Il-Knisja għad għandha messaġġ qawwi li sfortunatament ħafna drabi mhux jasal għax il-Knisja stess, minkejja li għad għandha opportunitajiet kbar, hi fjakka fil-mod kif torganizza ruħha u tittrażmetti dak li hu l-messaġġ tagħha.

Li jinkwetani hu, mhux li s-soċjetà Maltija saret liberali, imma li l-Knsija f’dan il-pajjiż mhix tifhem x’inhu jiġri fil-ħajja tan-nies u baqgħet tagħżel li tibqa’ tilgħab bl-istatwi, bil-festi, u biċ-ċerimonji. Infatti l-messaġġ kontinwu li aħna stess qed nagħtu hu li l-Kristjaneżmu kważi jikkonsisti biss f’dawn iċ-ċerimonji. Allura meta ċerti nies jisimgħu diskors mill-Knisja dwar l-ambjent jew dwar il-korruzzjoni, hemmhekk jiskandalizzaw ruħhom għax għalihom tkun tindaħal fil-politika.   

F'pajjiżi bħall-Istati Uniti, hi kważi norma li gruppi Kristjani u anke l-Knisja Kattolika tgħid lis-segwaċi tagħha lil minn għandom jivvutaw jew jappoġġjaw. Għalfejn l-attiviżmu politiku ta' gruppi reliġjużi, primarjament l-Knisja Kattolika għadha ddejjaq daqsekk nies lokalment?

Allaħares biex nikbru nħarsu lejn il-mudell Amerikan. Ir-reliġjon fl-Amerika f’dawn l-aħħar 25 sena reġgħet saret fattur importanti fl-elezzjonijiet politiċi.

Ir-raġuni hi li l-Isqfijiet Amerikani rriduċew il-kristjaneżmu primarjament f’battalja kontra l-abort, l-ewtanasja, u kwistjonijiet morali ta’ dan it-tip. Fl-istess ħin ftit li xejn ippronunċjaw ruħhom fuq il-piena kapitali jew fuq il-kwistjoni ta’ kemm is-soċjetà Amerikana, f’isem is-sigurtà, qed issir vjolenti jew fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

U allura għandek il-fenomenu Trump li wisq probabbli tela’ anke bil-vot kattoliku. Fix-xena lokali nifhem li għandna sitwazzjoni iktar delikata. Il-Knisja hawnhekk trid tikber, imma fl-istess ħin ma nistgħux inkunu idealisti. Il-Knisja wara kollox mhux kompitu tagħha, illum il-ġurnata li tiddetta bniedem kif għandu jivvota.

L-anqas fis-sittinijiet ma kien, u hemmhekk il-Knisja, kienet x’kienet ir-raġuni, żbaljat bil-kbir. Il-Knisja għandha dejjem x’tgħid, imma trid tibqa’ sal-aħħar tirrispetta l-libertà u d-dinjità ta’ kull persuna, anke ta’ dawk fi ħdanha li ma jkunux jaqblu ma’ kull ma tgħallem.

Taħseb li l-attiviżmu politiku, ta' nies fil-knisja iservi biex ibiegħed jew iressaq iktar nies lejn il-Knisja?

Il-Knisja hija istituzzjoni kbira u importanti fil-pajjiż. Tagħmel ħafna għażliet li jinċidu politikament. Il-Knisja l-anqas ma għandha għalfejn tirkeb karrijiet ta’ ħaddieħor. Bħala Knisja jeħtieġ infasslu l-aġenda tagħna abbażi tal-Vanġelu u ta’ dak li qed jixprunana dwaru Papa Franġisku u nkunu proattivi bla ma nħarsu lejn wiċċ ħadd.

Imma meta nkunu Knisja medhija bl-affarijiet interni tagħha u mbagħad nirreaġixxu biss għal dak li jkun jgħid u jagħmel ħaddieħor, hemmhekk inkunu qed nirkbu karru ta’ ħaddieħor u nitilfu l-kredibbiltà.

Il-politiċi għandhom l-iskadenzi tal-elezzjonijiet u jridu jorganizzaw ruħhom biex iwasslu l-messaġġ tagħhom, inkella jibqgħu l-art. L-iskadenzi tal-Knisja huma l-ħtiġijiet tan-nies, ta’ dawk vulnerabbli u li mhumiex stmati kif ukoll il-ħtiġijiet li aħna nsejħulhom ‘spiritwali’ li tfisser x’jeħtieġ tassew il-bniedem biex ikun jgħix ta’ bniedem.

L-ILLUM tkellmet ukoll mal-Professur u Dekan fl-Università ta’ Malta Andrew Azzopardi, skontu  “t-tagħlim soċjali tal-knisja huwa vera tal-ġenn”

Meta qassis jattendi laqgħa politika hu jkun qed jikkomprometti l-awtorità morali/ reliġjuża tiegħu dan meta wieħed jikkunsidra ir-realtà politika ta' Malta?

Le, ma naqbilx, anzi nixtieq nara aktar persuni reliġjużi fuq quddiem tan-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili.

Kemm mir-reazzjoni negattiva  fil-konfront ta' qassin voċiferi, li naraw fuq il-midja soċjali hija dovuta, għal fatti storiċi (l-interdett)? U kemm minnha hi dovuta għal mod tribali ta' kif ħafna Maltin iħarsu lejn il-politika? (jekk mhux magħna kontra tagħna)

Naħseb li aħna l-Maltin għandna, ‘love- hate relationship’ mal-knisja u l-kleru. Irriduhom imma kultant jweġġgħuna. Però l-verità hi li għandhom komponent importanti tat-tessuti soċjali tagħhom u anke li kieku npoġġuhom ġo niċċa wkoll nsibu x’ngħidu fuqhom. Naħseb li l-interdett u l-istorja tal-imgħoddi ma tgħinx però naħseb ukoll li bil-mod il-mod, din il-ġrajja qed issir biss rakkont storiku.

Taħseb li s-soċjetà Maltija llum saret iktar liberali fil-ħsieb konsegwenza illi għal ħafna, it-tagħlim soċjali tal-Knisja sar irrelevanti? Kemm jinkwetak dan?

Naħseb li għax aħna insiru liberali, (li ma naħsibx li l-każ) ma jfissirx li l-knisja ma tibqax importanti. Jien ngħid li l-liġijiet tagħna huma liberali imma l-attitudni tagħna għadha antikwata u konservattiva.

F'pajjiżi bħall-Istati Uniti, hi kważi norma li gruppi Kristjani u anke l-Knisja Kattolika tgħid lis-segwaċi tagħha lil min għandhom jivvutaw jew jappoġġjaw. Għalfejn l-attiviżmu politiku ta' gruppi reliġjużi, primarjament il-Knisja Kattolika għadha ddejjaq daqsekk nies lokalment?

Jien naħseb, li dan huwa riżultat tal-mentalità tribalistika li għandna. Li dak li jgħid xi ħadd jista’ jiġi interpretat kontra tagħna.

Taħseb li l-attiviżmu politiku, ta' nies fil-knisja iservi biex ibiegħed jew iressaq iktar nies lejn il-Knisja?

It-tagħlim soċjali tal-Knisja huwa vera tal-ġenn u sabiħ. Iffukat fuq l-għan li jkollna komunitajiet effetivi, karitatevoli u sensittivi. Għalija iktar mar-reliġjużi u l-Knisja titkellem fuq temi soċjali aktar tiġbidni lejha. Naħseb li bħalissa l-knisja hi maħnuqa u bi ftit jew xejn vuċi.

More in Politika