Kunflitti bla tmiem… L-istorja wara l-kwistjoni tal-Palestina

L-ILLUM indagat fuq din il-kwistjoni b'ħarsa lejn l-istorja u l-oriġini tat-tensjonijiet li ddominaw dan il-konflitt

Ħafna għandhom l-idea li din il-polemika hi riżultat tad-differenzi bejn ir-reliġjonijiet predominanti tal-Palestina, il-Ġudaiżmu u l-Iżlam. Apparti minn hekk ħafna jaħsbu li din hi kwistjoni li ilha għaddejja eluf ta’ snin. Però l-kwistjoni tmur oltre minn hekk

Ġimagħtejn ilu, bħal sajjetta fil-bnazzi, il-President Amerikan Donald Trump, ħabbar li l-Istati Uniti se tibda tirrikonoxxi lill-Ġerusalemm bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael, mossa li kienet ilha tiġi mwiegħda mit-tliet Presidenti Amerikani preċedenti. Naturalment, id-deċiżjoni konkluża ta’ Trump wasslet għal protesti kbar fil-Palestina, bil-Ministeru tas-Saħħa tal-Awtorità Palestinjana jgħid li aktar minn 300 persuna weġġgħu f’protesti madwar il-Palestina.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ILLUM indagat fuq din il-kwistjoni billi b’mod speċjali tat ħarsa lejn l-istorja u l-oriġini tat-tensjonijiet u l-kampanji militari, li fil-passat iddominaw dan il-konflitt.

Il-Palestina fil-bidu tas-seklu 20

Fil-bidu tas-seklu 20, il-Palestina kienet tagħmel parti mill-MImperu Ottoman, kienet art li tiġbor fi ħdanha, razez differenti ta’ nies bi twemmin differenti. Rekords Ottomani juru li l-popolazzjoni tal-Palestina sal-1900, kienet tinqasam bejn: 87% Musulmani, 10% Kristjani u 3% Lhud. L-Għarbi kien il-lingwa l-aktar użata. Il-Palestina kien post fejn nies b’reliġjonijiet differenti jgħixu flimkien. Il-Palestinjani kienu jiċċelebraw flimkien kemm il-festa tal-Eid Mubarak kif ukoll l-Għid tal-Lhud huma żewġ festi kbar li jiċċelebraw il-Musulmani u Lhud rispettivament.

Theoder Hertz u l-moviment Żionist

Theodor Hertz kien ġurnalist Awstrijak magħruf għar-rwol kritiku tiegħu fit-twaqqif tal-moviment Żionist. Il-fuljett tiegħu ‘Der Judenstaat’ (l-Istat Lhudi), ippubblikat fl-1896, għen biex iniedi ż-Żioniżmu bħala moviment politiku modern. Dan saħaq fuq il-bżonn li jiġi stabbilit stat għal-Lhud.

Id-dikjarazzjoni ta’ Balfour u r-rwol tal-Imperu Ingliż f’din il-kwistjoni.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Balfour kienet wegħda pubblika mill-Imperu Ingliż fl-1917. Din iddikjarat li l-Gran Brittannja kienet se tiffaċilita l-immigrazzjonii ta’ Lhud għall-Palestina, mossa li, kkuntentat il-moviment Żionist.

Din kienet adottata waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918), meta l-Imperu Brittaniku kien involut bħala wieħed mill-forzi alleati f’Gwerra Dinjija kontra l-Ġermanja, l-Awstrija-Ungerija, l-Imperu Ottoman u l-Bulgarija.

Fl-istess waqt, l-awtoritajiet Ingliżi, kienu ftehmu mal-pajjiż alleat magħhom, Franza, li f’każ ta’ rebħa huma kienu se jaqsmu lil-Palestina bejniethom.  

Sopra Corna Bastonate fl-1915, awtoritajiet Ingiliżi oħrajn kienu wiegħdu l-istess medda ta’ art lill-poplu ta’ Mekka, jekk dawn jirribellaw kontra l-Imperu Ottoman fil-Palestina.

Għalhekk, l-Ingliżi wiegħdu l-Palestina lill-poplu ta’ Mekka, lilhom infushom, lill-Franċiżi u liż-Żionisti.

Ifred u saltan, il-bidu tal-inkwiet

Hekk kif intemmet l-Ewwel Gwerra Dinjija bil-poteri alleati rebbieħa, l-Ingliżi stabbilixxew kolonja fil-Palestina, bl-idea li huma jmexxu sakemm il-Palestinjani kienu lesti li jiggvernaw huma. Apparti minn dan, l-Ingliżi stabbilixxew istituzzjonijiet separati skont ir-reliġjon.

Fl-istess waqt, l-Ingliżi onoraw ‘l-Balfour Decleration’, u għalhekk bdew jiffaċilitaw l-immigrazzjoni ta’ Lhud mill-pajjiżi Ewropej. Sal-1930, il-popolazzjoni tal-Lhud fil-Palestina żdiedet b’320,000 ruħ. Sal-1938, 30% tal-popolazzjoni tal-Palestina kienet ta’ dixxendenza Lhudija.

L-art u x-xogħol iħarrxu t-tensjoni fil-Palestina

Bejn l-1920 u l-1930, il-popolazzjoni tal-Lhud ġol-Palestina kibret, dan għaliex, ħafna Lhud li bdew jemigraw lejn il-Palestina, bdew jixtru l-art u mbagħad ikeċċu lil dawk il-familji Għarab li kienu jaħdmu u jgħixu hemmhekk. Il-kontroll fuq l-art u x-xogħol żied it-tensjoni bejn il-popli.

Dan kollu wassal sabiex, fl-1936, il-Palestinjani, irribellaw kontra l-Ingliżi. L-Ingliżi bl-għajnuna ta’ milizzji Lhud, faċilment rażżnu r-rivolta. Dan l-episodju wasal sabiex l-awtoritajiet Ingliżi, ħargu ‘white paper’ li bdiet tillimita l-emigrazzjoni tal-Lhud lejn il-Palestina filwaqt li appellaw għall-formazzjoni ta’ stat konġunt bejn iż-żewġ popli f’għaxar snin.

Din id-deċiżjoni ma tantx niżlet tajjeb kemm mal-Lhud kif ukoll mal-Palestinjani, dan għaliex il-Lhud min- naħa tagħhom kienu rrabjati għax l-immigrazzjoni kienet ġiet illimitata fi żmien fejn il-Lhud madwar l-Ewropa kienu taħt persekuzzjoni. L-Għarab kienu rrabjati għaliex kellhom jistennew mal-10 snin sabiex jiġi fformat l-istat tagħhom.

Magħmudija tan-nar għall-Ġnus Magħquda

Wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija, it-tensjonijiet fil-Palestina baqgħu dejjem jiħraxu. L-awtoritajiet Ingliżi ntebħu li din kienet kwistjoni li mhux ta’ jdejhom. Għalhekk huma għaddew din il-problema lill-organizazzjoni li kienet għadha kif ġiet imwaqqfa, il-Ġnus Magħquda.

Fl-1947, il-pajjiżi tal-Ġnus Magħquda, ivvutaw sabiex il-Palestina tinqasam f’żoni separati għal-Lhud u għall-Għarab. Fl-1948, propju b’reazzjoni għal dan il-pjan, faqqgħet l-Ewwel Gwerra bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, li dawn tal-aħħar kienu appoġġjati minn diversi stati Għarab. Finalment, l-Iżraeljani rebħu u meta fl-1949 l-armistizju ġie ffirmat l-Iżraeljani spiċċaw b’tliet darbiet aktar art milli kieku kien se jkollhom taħt il-pjan propost tal-Ġnus Magħquda.

Għal-Lhud dan kien il-bidu tal-istat tagħhom, ħolma li fl-aħħar immaterjalizzat. Għall-Palestinjani dan kien il-bidu ‘tan-Nakba’, hekk kif mas-700,000 Palestinjan spiċċaw bla dar u bla stat.

Fi 18-il sena li segwew, is-sitwazzjoni fil-Palestina, ftit li xejn inbidlet. Iż-żewġ partijiet kontinwament kienu involuti fi gwerer bejniethom. Fl-1967 Iżrael kienu involuti għall-darb’oħra f’gwerra kontra diversi pajjiżi Għarab. L-Iżrael rebħu din il-gwerra, li notevolment damet biss sitt ijiem. Riżultat ta’ hekk, l-Istat ta’ Iżrael kiseb aktar art fosthom, ix-Xatt tal-Punent, l-Istrixxa ta’ Gaza u l-Għoljiet tal-Golan.

Sforz sabiex jitmemm il-konflitt

Fi snin li segwew, l-awtoritajiet Iżraeljani, bnew djar f’teritorji li skont il-pjan tal-Ġnus Magħquda huma tal-Palestinjani. Mossa li teknikament hi illegalli skont il-liġi internazzjonali. Min-naħa tagħhom l-ogħla awtoritajiet Iżraeljani dejjem sostnew li l-Palestina mhux stat allura din mhux illegali.

Fl-aħħar tat-80ijiet, il-Palestinjani fl-Istrixxa ta’ Gaza u x-Xatt tal-Punent, niedu rivolta ġdida, li tibqa’ tissemma bħala, ‘The First Intifada’. Din kienet tinvolvi ‘boycots’ fuq prodotti Iżraeljani u anke taxxi tal-Istat Iżraeljani. Meta l-awtoritajiet Iżraeljani ħadu azzjoni, ġlied vjolenti bejn it-tnejn irrenja. Dan wassal ukoll għat-twaqqif tal-Hamas, organizzazzjoni politika Palestinjana u grupp militanti li wettaq ġlieda kontra l-Iżrael, l-aktar permezz ta' attakki suwiċidji.

Finalment din il-mewġa ta’ vjolenza wasslet ukoll għal taħdidiet ta’ paċi f’Oslo. It-taħdidiet intemmu mingħajr ftehim. Fl-2000, imbagħad, seħħ summit f'Camp David bejn il-President Amerikan Bill Clinton, il-Prim Ministru Iżraeljan Ehud Barak u l-President tal-Awtorità Palestinjana Yasser Arafat, is-summit reġa’ ntemm mingħajr ftehim.

Wara li fallew it-taħdidiet ta’ paċi f’Camp David, is-sitwazzjoni pjuttost marret għall-agħar. Is-sena 2000, rat ukoll it-tieni mewġa ta’ vjolenza fil-Palestina, ‘The Second Intifada’, mewġa li kienet ferm aktar vjolenti minn dik preċidenti.

More in Politika