Is-saltna tad-dritt | Il-Kummissjoni Ewropea bi proċeduri kontra l-Polonja

Il-Kummissjoni tieħu azzjoni storika wara kritika fir-rigward tal-mod kif jinħatru l-membri tal-Ġudikatura f'dan il-pajjiż...

Il-Kummissjoni Ewropea b'azzjoni kontra l-Polonja
Il-Kummissjoni Ewropea b'azzjoni kontra l-Polonja

Iktar kmieni illum il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċeduri kontra l-Polonja fuq is-saltna tad-dritt fil-pajjiż, f'dak li jirrigwarda riformi fil-Qorti li beda l-Gvern Pollakk. L-Unjoni Ewropea sostniet illi qed tagħmel dan, biex tiddefendi l-indipendenza tal-ġudikatura. Id-deċiżjoni hija bbażata fuq dak li jgħid it-Trattat ta' Liżbona. 

Fl-aħħar sentejn kien hemm kritika ħarxa fuq il-Gvern Pollakk u l-mod ta' kif jinħatru l-membri tal-Ġudikatura f'dan il-pajjiż.  Dan hekk kif f'Diċembru 2015 il-Gvern Pollakk appunta ħames maġistrati kkunsidrati li huma 'politikament qrib' tal-Gvern. Il-kritiċi tal-Gvern Pollakk saħqu illi dan sar biex il-Gvern ikun jista' jgħaddi aktar leġiżlazzjoni b'inqas oppożizzjoni. 

Din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-UE li Artiklu 7 tat-Trattat ta' Liżbona kien invokat kontra pajjiż. 

L-Unjoni għall-Libertajiet Ċivili fl-Ewropa (Liberties) laqgħet din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huma sejħu dak li ġara bħala 'pass importanti'. Il-Kap Eżekuttiv tal-Liberties Balazs Denes sejjaħ lill-Unjoni Ewropea biex tipproteġi s-saltna tad-dritt, "kif wara kollox huwa xogħol l-istituzzjonijiet tal-UE." 

 

 

More in Politika