Analiżi 2017 | Il-populiżmu u l-lemin jerfa' rasu fl-Ewropa

Xi uħud ħallew l-marka tagħhom fl-istorja oħrajn sfaxxaw... 

Fil-bidu tal-2017 l-Ewropa kienet għada qed tibki dik li tista' tkun it-telfa tar-Renju Unit. Ix-xenarju politiku li ħoloq il-BREXIT, ġab miegħu sfida għall-UE. Dan is-sens ta' populiżmu kien evidenti tul il-bosta elezzjonijiet li saru madwar l-Ewropa fl-2017, b' xi wħud mill-kandidati jew partiti jħallu l-marka tagħhom fl-istorja tal-pajjiż u oħrajn jgħibu fl-eku tal-passat.

L-elezzjoni ġenerali fl-Olanda f'Marzu

Fil-15 ta' Marzu 2017, saru l-elezzjonijiet ġenerali fl-Olanda biex jkunu eletti l-150 membru tal-Kamra tad-Deputati

Il-Partit tal-Poplu u l-Libertà (VVD) taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru attwali Mark Rutte, tilef numru ta’ siġġijiet pero xorta waħda rnexxilu jibqa' l-akbar partit fil-Parlament. Intant il-Partit għal-Libertà (PVV) ta’ Geert Wilders għamel gwadann sostanzjali ta’ siġġijiet sabiex stabillixxa ruħu bħala t-tieni l-akbar partit fil-Parlament. L-elezzjoni fl-Olanda kienet meqjusa bħala prova għall-UE għaliex Wilders kien wiegħed li joħrog lill-Olanda mill-UE.

Elezzjoni Presidenzjali Franċiża f'Mejju 

Fl-elezzjoni presidenzjali Franċiża tal-2017, il-poplu Franċiż kellu għażla, bejn il-kandidat ċentrali Emmanuel Macron mill-partit tal-En Marche bl-aġenda proEwropea jew inkella lil Marine Le Pen, il-Kap tal-Front National li wegħdet li toħroġ lil Franza mill-UE u li tkun ‘tarka’ kontra l-globalizzazzjoni. Finalment, Macron rebaħ l-elezzjoni u sar l-iżgħar kap ta’ stat Franċiż minn żmien Napuljun Bonaparte.

L-elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit f'Mejju

Intant f’Mejju tal-2017, Theresa May tilfet il-maġġoranza parlamentari tagħha wara li din sejħet elezzjoni ġenerali bikrija. May kellha ddur għal-partit tal-Unjonista Demokratiku (DUP) biex tifforma l-Gvern. Il-Partit Laburista ta’ Jeremy Corbyn żied is-siġġijiet b’31 siġġu.

L-elezzjoni ġenerali fil-Ġermanja f'Settembru

Angela Merkel bħala l-Kap tal-Unjoni Demokristjana assigurat ir-raba’ mandat tagħha bħala l-Kanċillier tal-Ġermanja. Madankollu, l-maġġoranza tagħha tnaqqset b’mod konsiderevoli. Il-Partit Demokratiku Soċjali ta’ Martin Schulz kiseb l-agħar riżultat mit-tieni gwerra dinjija 'l hawn. Sadanittant il-partit ‘radikali’ l-Alternattiva għall-Ġermanja AfD daħal fil-Bundestag bħala tielet l-akbar partit.

Segwi l-gazzetta ILLUM u dan is-sit għal aktar stejjer ta' analiżi li jagħtu ħarsa lejn setturi differenti li kkaratterizzaw is-sena 2017.

More in Politika