Mozzjoni biex il-Gvern jagħti l-art taż-Żonqor lura lin-nies

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f' Wied il-Għajn ressqu mozzjoni sabiex il-Gvern jagħti lura l-art fiż-Żonqor

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn talbu lill-Kunsill sabiex dan jagħmel talba formali lill-Gvern sabiex jieħu lura l-art fiż-Żonqor mingħand Sadeen u jagħtih lura lill-Maltin.

L-art kienet ingħatat lil Sadeen biex tiġi żviluppata f'kampus għall-Università Amerikana (AUM). Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni Parlamentarti lill-Ispeaker Anġlu Farrugia sabiex din l-art tintradd lura.

Il-kunsilliera John Baptist Camilleri, Sandro Gatt u Charlot Cassar saħqu li d-deċizjoni li ż-Żonqor jingħata għall-iżvilupp kienet waħda żbaljata mill-bidunett u kien ikun ferm aħjar li kieku din ġiet irrifjutata sentejn u nofs ilu kif kienu diġà talbu huma. 

Fi stqarrija sostnew li l-AUM falliet bil-kbir milli tilħaq il-miri tagħha u naqset il-miri oriġinali tagħha bin-nofs u għalhekk il-Kunsill Lokali għandu jitlob lura din l-art. Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista għalhekk talbu lill-Kunsill sabiex jagħmel talba formali lill-Gvern u l-art fiż-Żonqor terġa' ssir pubblika u titħalla fl-istat naturali tagħha waqt li tiġi protetta u terġa’ ssir parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar u b'hekk titgawda min-nies. 

Il-Kunsilliera tal-PN qalu wkoll li l-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn għandu jħeġġeġ lill-Gvern sabiex hekk kif l-art fiż-Żonqor terġa’ ssir art pubblika, minnufih jibda xogħol estensiv ta’ rinnovar fil-pixxina eżistenti kif ukoll fil-partijiet esterni ta' madwarha.

Sostnew li għandu jirrenja s-sens komun u li jirbaħ l-interess tar-residenti ħalli b’hekk igawdu mhux biss ir-residenti ta' Wied il-Għajn iżda wkoll il-poplu kollu Malti.

More in Politika