Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli żaret sessjoni ta’ taħriġ li saret lill-Expatriates Unit fi ħdan Identity Malta minn esperti barranin, dwar kif jista’ jiġi identifikat u interċettat attentat ta’ traffikar uman.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li l-2018 hi sena importanti għax għall-ewwel darba f’pajjiżna se jkollna politika ċara u b’saħħitha b’messaġġ b’saħħtu u kollettiv kontra t-traffikar uman. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-Kummissjoni Għolja Ingliża li għenet biex dan it-taħriġ ikun possibbli u fissret li ż-żewġ gvernijiet kommessi li jiġġieldu t-traffikar uman bis-saħħa.
Saħqet li l-Gvern Malti għandu mandat ċar mill-poplu Malti u Għawdxi biex permezz ta’ dan is-segretarjat parlamentari tiġi indirizzata din il-problema li taffaċċja d-dinja kollha - mhux b’inqas pajjiżna. Il-ħidma fuq din ir-riforma matul din is-sena se tiġi intensifikata biex kollettivament naħdmu ħalli jitkissru dawn it-tipi ta’ ċrieki ta’ kriminalità.
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-ħaddiema ta’ Identity Malta li f’xogħolhom imissu ma’ eluf ta’ applikazzjonijiet għal xogħlijiet differenti u t-taħriġ lill-impjegati hu kruċjali għax jistgħu jidentifikaw persuni li potenzjalment jistgħu jkunu vittmi.
Julia Farrugia Portelli assigurat lill-ħaddiema li din hi ġlieda li mhux se jiġġielduha waħidhom u li se jsibu l-appoġġ kollu meħtieġ f’din il-ħidma.
Dan it-taħriġ hu biss parti żgħira iżda kruċjali fir-riforma li se tkun implimentata.