84 persuna tirriżenja mill-forzi tal-ordni fl-2017

Rekluti ġodda din is-sena u xogħol fuq 17-il għassa...

Matul is-sena 2017, 84 membru tal-Korp tal-Pulizija u membru tal-Forzi Armati  rriżenjaw qabel ma kienu laħqu għaddew il-25 sena ta’ servizz.

Ċifri żvelati fil-Parlament juru kif kienu b’kollox 24 membru tal-Korp tal-Pulizija li rrizenjaw qabel m’għaddew il-25 sena ta’ servizz, filwaqt li kienu 60 dawk li daħlu fil-Forzi armati u telqu qabel m’għamlu l-perjodu li jwassal għall-pensjoni tas-servizz.

Interessanti kif ftit inqas minn nofs dawk li matul l-2017 irriżenjaw mill-Forzi Armati kienu rekluti, u allura suldati ġodda.

Intant matul din is-sena se jkunu qegħdin jitilqu mill-Korp 27 membru, uħud permezz ta’ riżenji u oħrajn permezz ta’ rtirar bil-pensjoni. Matul dan ix-xahar biss se jirriżenjaw jew jispiċċaw mis-servizz 12-il Pulizija, filwaqt illi matul is-sena dan in-numru se jvarja, minn xejn għal erbgħa f’xahar.

Il-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia fil-Parlament qal illi l-ammont ta’ persuni li se jispiċċaw mis-servizz matul l-2018 jirrapreżenta ftit inqas minn 1.2% tal-ammont globali ta’ pulizija. Qal ukoll illi bħala kontinġenza matul din is-sena se jsiru reklutaġġi oħrajn.

Farrugia fakkar ukoll illi se jkunu b’kollox 17 dawk l-għases madwar il-pajjiż li se jsir xi forma ta’ manutenzjoni fuqhom. Dawn jinkludu, fost oħrajn, dik ta’ Bormla, il-Qawra, in-Naxxar, il-Ħamrun, iż-Żurrieq u Tas-Sliema.

Dwar l-għases u l-pulizija li rriżenjaw fl-2017 il-Ministru Farrugia kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Dwar Pulizija li se jispiċċaw mis-servizz fl-2018, kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia.

More in Politika