Intervista | Raba', għasel u fdalijiet Puniċi kollha għal taħt il-mannara…
Il-President tal-Għaqda Wirt iż-Żejtun jispjega fid-dettall it-telf agrikolu, storiku u bijoloġiku li l-estensjoni ta’ fabbriki f’Bulebel tista’ ġġib magħha.
minn Liam Carter
Kienet il-gazzetta ILLUM li l-ġimgħa l-oħra niżlet iż-Żejtun u ltaqgħet ma’ għadd ta’ bdiewa li riedu jsemmgħu leħinhom dwar l-iżvilupp propost ġewwa Bulebel. Żvilupp li jekk issir jeqred medda kbira ta’ art agrikola li huma stess ilhom snin jaħdmu.
Matul il-ġimgħa li għaddiet l-artiklu u l-filmat li tella’ fuq is-sit illum.com.mt rawh mal-50,000 persuna, bil-maġġoranza tas-segwaċi jagħtu appoġġ kbir lill-kawża tal-bdiewa Żwieten.
Fid-dawl ta’ dan kollu, din il-gazzetta intervistat lill-Ruben Abela, l-President tal-Għaqda Wirt iż-Żejtun, l-istess għaqda li nediet il-kampanja sabiex 120,000 metru kwadru ta’ art agrikola tiskansa l-iżvilupp.
Abela spjega li din hi l-ewwel darba li l-Għaqda qiegħda taġixxi bħala grupp li joħloq pressjoni. Dan għaliex, oriġinarjament, l-għaqda twaqqfet fl-2010 minn grupp ta’ nies li kienu interessati li jesponu l-istorja, wirt kulturali u dak naturali marbut maż-Żejtun lill-poplu kollu. “Ħafna nies sikwit jassoċjaw ix-Xlokk ta’ Malta mal-iżvilupp, l-industrija, powerstation u l-Port Ħieles. Aħna dejjem ippruvajna nesponu s-sabiħ tax-Xlokk u n-naħa t’isfel ta’ Malta”, saħaq Abela.
Ħafna nies jassoċjaw ix-xlokk ta’ Malta mal-iżvilupp, l-industrija, ‘powerstations’ u port ħieles, aħna ppruvajna dejjem nesponu s-sabiħ tal-ixlokk u naħa t’isfel ta’ Malta
L-għaqda għandna madwar 160 membru u fil-passat ressqet numru ta’ proposti lill-Gvern, bħal kif it-turiżmu jista’ jiġi ġġenerat fin-naħa tax-Xlokk ta’ Malta.
Jekk il-bdiewa m’għandhomx titlu tal-art, għalfejn qed jappellaw?
Mal-ILLUM Abela kien pront sabiex jispjega li din il-problema ma qamitx illum, “fis-60ijiet kien qam l-interess sabiex jsir żvilupp indsutrijali f’żona kbira f’Bulebel u żona ferm ikbar minn dik li qed nitkellmu illum ġiet żvilupata f’fabbriki. Fis-snin 70 komplew jinbnew dawn il-fabbriki, għaliex f’dak iż-żmien l-ekonomija tal-pajjiż kienet dipendenti ħafna mis-settur tal-manifattura”, qal Abela.
Għalkemm fil-bidu ta’ dan l-artiklu semmejt li l-maġġoranza tas-segwaċi tal-ILLUM dehru jappoġġjaw lill-bdiewa kien hemm xi wħud li esprimew tħassib dwar l-argument li qed jġib Abela, hekk kif legalment din l-art hi tal-Gvern.
Fuq dan il-punt Abela sostna li “peress li l-Gvern ma kienx qed jiġbor il-qbiela, legalment il-bdiewa m’għandhomx titlu għall-art.” Minkejja dan kollu, Abela saħaq li “l-bdiewa ddejqu għaliex huma ġew imsejħa ‘squatters’, jiġifieri, xi ħadd li sab proprjetà vojta, qabad daħal fiha u għamilha tiegħu.”
Hu kompla jispjega kif “fir-realtà dan mhuwiex minnu għaliex il-bdiewa ta’ din iż-żona illhom snin jaħdmu l-art u din baqgħet tinħadem minn ġenerazzjoni għal oħra. Kien biss il-Gvern li żamm milli titħallas il-qbiela”, saħaq Abela.
Abela fakkar kif fil-Pjan tan-Nofsinhar ta’ Malta li kien ifinalizzat mill-PA fl-2006, iż-żona bagħqet immarkata għall-żvilupp però, f’dak iż-żmien l-Awtorità kienet b’mod ċar qalet li “din iż-żona hi raba' ta’ valur agrikolu għoli u kull forma ta’ żvilupp fuq din l-art jista’ jsir biss, wara li jkunu saru l-istudji li juru mod ieħor.”
Staqsejt lil Abela jekk dawn l-istudji sarux. Hu kien pront jirrimarka, “ma nafux, l-awtoritajiet kompitenti kienu qalu li se javiċċinawna, però s’issa għadna ma smajna xejn.”
Il-bdiewa jirċievu ordni ta’ żgombru…
Abela fakkar li “l-għaqda Wirt iż-Żejtun kienet diġà għamlet talba lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jikkunsidra li ma jsirx żvilupp fuq l-art inkwistjoni lura fl-2015. “Dak iż-żmien konna ħsibna li t-talba tagħna ġiet ikkunsidrata, però fl-aħħar tas-sena 2017 numru ta’ bdiewa rċevew ordni ta’ żgombru,” żvela Abela.
“Hemm minn tal-anqas ħames bdiewa li jaħdmu madwar 60 tomna art. Hafna minn dawn huma part-timers u oħrajn irtirati, jaħdmu din ir-raba' bħala sors alternattiv ta’ dħul finanzjarju jew inkella bħala delizzju”, sostna Abela.
Hu kompla jgħid kif f’din iż-żona hemm ukoll numru kbir ta’ siġar protetti bħal dawk tal-ħarrub li skontu “jmorru lura għall-għexieren ta’ snin.”
Kien hemm għaqdiet li ħarġu jappoġġjaw il-każ tagħna iżda sfortunatament għaqdiet oħra li s-soltu jsemmgħu leħinhom, s’issa għadna ma smajna xejn mingħandhom
Skont Abela, fil-viċinanzi hemm anke produttur tal-għasel tan-naħal, li jekk jinqerdu s-siġar tal-ħarrub,“in-naħla se żżarma wkoll.”
“In-naħla tieħu l-għasel mill-fjuri tal-ħarrub allura jekk is-siġar tal-ħarrub jinqerdu dan se jwassal għall-qerda ta’produttur importanti tal-għasel”, spjega Abela.
Skont figura li pprovdilna Abela, wieħed mill-bdiewa li rċieva mandat ta’ żgombru għandu madwar 70 siġra tal-ħarrub fl-għalqa tiegħu biss.
Apparti mil-qerda agrikola, Abela spjega li dan l-iżvilupp se jġib miegħu ikonvenjenza kbira lir-residenti Żwieten. “Il-fabbriki li se jinbnew se jiġu kważi 100 metru l-bogħod mill-eqreb żona residenzjali li hemm f’Ġebel san Martin”, spjega l-perit.
Hu kompla jgħid kif “l-ambjent mhuwiex biss dak naturali iżda wkoll l-ambjent li fih jgħixu nies u kif dak jista’ jkollu impatt fuq il-ħajja tagħhom, kemm soċjalment kif ukoll mill-att ta’ saħħa.
”F’din iż-żona ta’ Ġebel San Martin, diġà hemm tniġġis permezz ta’ storbju speċjalment fix-xhur tas-sajf meta magni kbar tal-arja kkundizzjonata tismagħhom għaddejjin mal-lejl kollu. Immaġina kieku l-espansjoni tiġi 100 metru biss bogħod miż-żona residenzjali”, irrimarka Abela.
Hu kompla jgħid kif “iż-żona taż-Żejtun se ssir fiżikament parti miż-żona urbana ħafna ikbar tal-Port il-Kbir u b'dan il-mod iż-Żejtun jitlef il-karatteristiċi ta’ villaġġ.”
‘Il-fatt li għandek din il-kwantità ta’ fuħħar f’żona partikolari jfisser li kien hemm attività antika matul iż-żmiem.’
Apparti mill-valur agrikolu taż-żona, ma’ din il-gazzetta Abela spjega li fattwalment fl-2012, waqt bini ta’ fabbrika oħra fl-istess żona kienu nstabu fdalijiet Puniċi, jiġifieri fdalijiet li jmorru lura għal żewġ sekli qabel Kristu. Dak iż-żmien kienu nstabu numru ta’ oqbra mħaffrin ġol-ġenb ta’ barriera. Barra minn din is-sejba storika, fl-istess żona, propju fejn qed jinbena sptar ġdid fit-triq tal-Barrani, instab nekropolis sħiħ, jiġifieri madwar 14-il qabar.
Il-President ta’ Wirt iż-Żejtun irrakkonta wkoll kif l-antenati tal-bdiewa li kienu jaħdmu raba' bil-bagħal dejjem kienu jiġbru frak tal-fuħħar. “Dan kienu jagħmluh ġol-boroż li mbagħad jintuża għad-deffun għal fuq il-bjut. Il-fatt li għandek din il-kwantità ta’ fuħħar f’żona partikolari tfisser li kien hemm attività antika matul iż-żmien”, temm jgħid Abela.
“Fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far hemm telqa kbira”
Staqsejt lil Abela jekk m’għandux ħjiel ta’ żoni alternattivi fejn jista’ jsir dan l-iżvilupp. “Ħadt l-okkażjoni u mort nżur l-inħawi industrijali ta’ Ħal Far. Sfortunatament hemm telqa kbira, ‘trailers’ u materjal ta’ kostruzzjoni mixħut ma’ kullimkien. Sibt anke li nħareġ permess sabiex jintefa’ materjal ta’ kostruzzjoni f’żona fejn hi mmarkata għall-żvilupp industrijali”, saħaq Abela.
Skont evalwazzjoni li għamel il-perit, skont il-pjan lokali jidher li hemm aktar minn 120 tomna art li hi disponsabli għall-iżvilupp u li ma hemm l-ebda applikazzjoni fuqha. Inċidentalment l-iżvilupp ta’ Bulebel mistenni jieħu madwar 120 tomna ta’ art agrikola.
L-NGOs, id-deputati tat-tielet distrett u l-Partit Politiċi.
Ma’ Abela l-ILLUM tkellmet ukoll fuq l-appoġġ li l-għaqda u l-bdiewa sabu minn organizzazzjonijiet non-governattivi u politiċi. Fuq din hu kien pront biex jisħaq li “aħna għaddejna kopja tal-istqarrija li ħarġet l-għaqda lil diversi għaqdiet non-governattivi. Kien hemm għaqdiet li ħarġu jappoġġjaw il-każ tagħna iżda sfortunatament għaqdiet oħra li s-soltu isemmgħu leħinhom, s’issa għadna ma smajna xejn minn għandhom.
Staqsejt lil Abela għalfejn jaħseb li ċertu organizzazjoniet li s-soltu jagħmlu pressjoni fuq kwistjonijiet tal-istess natura ma tkellmux din id-darba, “ħafna minnhom qed jgħidu li tant għaddejjin affarijiet li mhux qed ilaħħqu, oħrajn forsi mhix il-linja jew żona tagħhom li s-soltu jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuqha.”
Barra minn hekk, Abela qal li l-mozzjoni ntbagħtet ukoll lill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li hu inkarigat mill-Malta Industrial Parks kif ukoll lill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, Josè Herrera u l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici li apparti minn hekk hu Żejtuni u joħroġ fuq it-tielet distrett.
L-iżvilupp se jkun viċin ħafna taż-żona residenzjali ta' Ġebel San Martin, għalhekk iż-żona taż-Żejtun issir fiżikament parti miż-żona urbana ħafna ikbar tal-Port il-Kbir u b'dan il-mod iż-Żejtun jitlef il-karatteristiċi ta’ villaġġ
Abela sostna li wara dawn il-korrispondenzi kollha “ma kellna l-ebda reazzjoni uffiċjali però kien hemm deputati min-naħa tal-Gvern li qalu li possibbilment se jressqu l-veduti tagħhom fil-Kamra.”
Il-vuċi tal-bdiewa tibda tinstema’… Il-Gvern jikkunsidra siti alternattivi
Il-Ħamis li għadda s-sit illum.com.mt żvela l-aħbar li l-Gvern se jkun qiegħed jikkunsidra siti alternattivi għal dak taż-Żejtun biex jinbnew numru ta' fabbriki. Fuq din l-aħbar Abela sostna li “għalkemm mhux finali dan l-iżvilupp hi waħda pożittiva, għaliex dan l-aħħar ġimgħat li bdejna l-kampanja ma konna smajna xejn mill-awtoritajiet. Dak li qed ngħidu aħna jidher li qed jagħmel sens. Nemmen li dan hu l-ewwel pass, aħna t-talba tagħna hi li jiġi rivedut il-pjan lokali sabiex fil-futur qrib jew imbiegħed ma jkollniex għalfejn nerġgħu nagħmlu kampanja oħra.”