Għada tinqata' s-sentenza għal Wied il-Għomor
Żviluppaturi kienu appellaw mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar
More in Politika
Żviluppaturi kienu appellaw mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar
Flimkien għal Ambjent Aħjar qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iżommu mad-deċiżjoni oriġinali tal-Awtorità tal-Ippjanar li kienet irrifjutat żvilupp propost għal Wied il-Għomor f’San Ġwann.
Għada, it-Tribunal tal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar se jkun qed jiddeċiedi dwar l-appell li kien tressaq mill-iżviluppaturi kontra d-deċiżjoni unanima tal-Awtoritá tal-Ippjanar.
L-iżviluppaturi qed jipproponu li f’din iż-żona ODZ, propju fil-post fejn bħalissa hemm barriera li mhux qed tintuża, tinbena dar tal-anzjani, fost proġetti oħra.
Fi stqarrija, Flimkien għal Ambjent Aħjar saħqet li din iż-żona tinsab qalb numru ta’ għelieqi u anke ħitan tas-sejjieħ li jagħtu ftit tan-nifs liż-żoni urbanizzati ta’ San Ġwann, San Ġiljan u s-Swieqi.
Wied il-Għomor huwa meqjus bħala żona ta’ importanza ekoloġika u anke sit ta’ importanza xjentifika. Minkejja dan, l-NGO ambjentali qalet li sikwit qed ikun mhedded b’applikazzjonijiet għall-iżvilupp.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera kien saħansitra applika biex dan il-Wied jibda jitqies bħala dominju pubbliku, bil-għan li jkun protett mill-iżvilupp.
Id-deċiżjoni tal-Awtoritá tal-Ippjanar kienet niżlet tajjeb mal-Kunsill lokali tas-Swieqi, San Ġwann u San Ġiljan u anke mal-NGOs ambjentali.