ACE tgħid illi li ‘nkeċċu lill-barranin mhux fattibbli’

Minkejja li ħafna jaħsbu li hi soluzzjoni, ma nistgħux inqumu għada filgħodu, infaqqgħu subgħajna u nneħħu l-barranin kollha minn wiċċ din il-gżira. Dan għaliex hemm setturi li għadhom qed jiddependu minnhom, iżda dwar dan u aktar l-ILLUM titkellem mal-President tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering Michelle Muscat. 

Jekk wieħed iħares lejn in-numru ta’ gradwati fil-qasam tal-ospitalità, u d-domanda ta’ impjegati, wieħed faċli jagħraf li tal-aħħar hi pjuttost ogħla. Titkellem dwar dan mal-gazzetta ILLUM, Michelle Muscat, President tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering, qalet li bir-ritmu tas-settur, il-bżonn se jkompli jiżdied. 

“Illum ma nitkellmux fuq reklutaġġ imma headhunting. Dik hija r-realtà,” qalet Muscat. 

Il-President kienet qed twieġeb fuq il-possibbiltà li “nkeċċu l-barranin ’il barra,” bħalma bosta qed jissuġġerixxu li jsir minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni. Madankollu Muscat mal-ewwel qalet li din mhux soluzzjoni realistika. 

President tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering Michelle Muscat
President tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering Michelle Muscat

Torbot fuq dan, Muscat tkellmet ukoll dwar in-nuqqas ta’ ħiliet fl-istess oqsma tal-ospitalità, li fihom qed ikunu innotati wkoll xi problemi. 

“Il-problema hija mifruxa sew, minn front of house sal-kċina u saħansitra fil-back office. L-iskarsezza tinħass f’kull parti tas-servizz,” Muscat qalet lill-ILLUM. Żiedet tgħid li bħala ACE, l-assoċjazzjoni qed tipprova timbotta l-importanza ta’ upskilling, u anke reskilling, fejn impjegat jibqa’ jiġi mgħallem ħiliet ġodda, jew ħiliet aqwa minn dawk li diġà għandu. Dan qed ikun possibbli permezz ta’ skills card, li skont Muscat qed tiġi diskussa u ssir reali b’ħidma ma’ Identità Malta u l-ITS. 

Ir-riżorsi umani jibqgħu l-ikbar spiża 

L-ispejjeż għal negozji fil-catering dejjem jibqgħu jikbru, iżda l-akbar spejjeż fuq is-sostenibbiltà tal-operat jibqgħu r-riżorsi umani, li jammontaw għal aktar minn 26% tal-ispejjeż totali. 

Tispjega aktar dwar dan, Muscat qalet li l-materja prima, li wieħed jaħseb li tħalli ħafna spejjeż, tiġi t-tieni fil-lista b’20% tal-ispejjeż totali. 

“Spejjeż oħra jinkludu kirjiet eċċessivi, żidiet fil-COLA ta’ kull sena, spejjeż ta’ skills pass, BCRS, PRS, eċċ. Il-figuri jitkellmu waħedhom,” Muscat stqarret. 

Dan kollu ħareġ fi studju intensiv li ACE ppreżentat lill-Gvern. Fl-istess studju, ACE pproponiet li titnaqqas ir-rata tal-VAT fuq l-ikel minn 18% għal 7% fl-istabbilimenti tal-ikel. 

“Dan qed nippropunuh għaliex nemmnu li s-settur għandu jaqa’ fuq l-istess livell tas-settur tal-akkomodazzjoni. Fl-istess waqt, Malta għandha l-ogħla rata ta’ VAT fuq l-ikel fl-istabblilmenti tal-Catering fil-Mediterran,” spjegat Muscat.  

Dan ifisser li aġġustament fir-rata tal-VAT twassal biex “niġu aktar kompettitivi ma’ pajjiżi kompetituri tagħna fil-Mediterran”. 

Muscat argumentat li dan it-tnaqqis igawdi minnu kulħadd.  

Skont l-istess studju jidher ukoll li din tista’ tkun soluzzjoni biex il-Gvern jiġbor aktar VAT fuq bażi regolari u “tispiċċa l-problema tal-cash flow għall-operaturi,” għax ikun hemm stabbilità fil-prezzijiet, tnaqqis fil-prezzijiet u jiżdied l-investiment mal-operaturi. 

Muscat ikkwotat studju ieħor li sar reċentement minn ACE, fejn tidher tberraq apatija fost l-operaturi li qed jippjanaw jinvestu fit-tnax-il xahar li ġejjin.  

“L-operatur għandu jkollu iktar serħan il-moħħ fejn jista’ jinvesti fuq taħriġ għall-ħaddiema u jissolida kuntratti b’pagi aħjar. Fl-aħħar mill-aħħar nemmnu li t-tnaqqis fir-rata tal-VAT għandha tkun vitali biex is-settur tagħna jerġa’ jiġi sostenibbli.” 

Huwa minħabba dan kollu li ACE bħalissa qed tagħfas għal pjan ħolistiku li jinvolvi l-attenzjoni tal-Gvern, l-Oppożizzjoni, stakeholders u l-industrija, “b’għan uniku li jindirizza l-isfidi u jwitti t-triq ’il quddiem. Din il-kwistjoni li ma tagħrafx kuluri imma l-interess tas-settur u l-ekonomija Maltija”. 

‘Il-kwalità qed tiġi garantita fil-prodott kif ukoll fis-servizz’ 

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-gazzetta ILLUM staqsiet kif in-negozji jistgħu jiżguraw li ma jdgħajfux l-esperjenza tal-klijent minkejja l-ispejjeż. 

Muscat dlonk spjegat li s-suq huwa kompetittiv u għalhekk il-kwalità tibqa’ fattur importanti fl-esperjenza li jingħata l-klijent. 

“Il-kwalità qed tiġi ggarantita fil-prodott, kif ukoll fis-servizz. Mhux dejjem tkun faċli għax huma żewġ elementi li jiddependu minn ħafna fatturi, fosthom ir-riżorsi umani, però kull stabbiliment jagħmel kulma hu possibbli biex dan jintlaħaq.” 

Muscat qalet li ħafna drabi l-operaturi qed ikollhom jerfgħu l-piż taż-żieda fl-ispejjeż huma, biex b’hekk il-klijent ma jkunx affettwat. Fl-istess waqt, il-kwalità hija raġuni oħra għaliex ACE qed jimbuttaw biex il-ħaddiema jkunu kollha mħarrġa biżżejjed sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu servizz personalizzat u esperjenza unika lill-klijent. 

‘Il-prodott lokali hu użat fejn possibbli ... imma huwa limitat fil-volum u l-konsistenza’ 

Il-kunċett tal-awtentiċità Maltija fid-diskussjonijiet tal-poplu ma torbotx biss mal-impjegati li jservuna, iżda wkoll mal-ingredjenti u r-riċetti li qed jitfaċċaw fuq il-menus tal-istabbilimenti. Aktar ma jmur, il-klijent aktar qed ifittex riċetti b’ingredjenti friski, u ta’ kwalità tajba. 

Dwar dan, Muscat qalet li fejn hu possibbli il-prodott lokali qed ikun użat iżda hemm realtà oħra dik li “prodott Malti hu limitat fil-volumi u l-konsistenza.” 

“Il-prezz huwa wkoll limitu. Però nifhmu illi minn ftit snin lil hawn, hemm żieda u aktar għarfien u apprezzament mill-klijentela lejn inbid u birer lokali, ħobż, majjal Malti, ħut lokali, ħaxix, ġobon, eċċ”. 

Mistoqsija dwar “l-esperjenza awtentika Maltija” fil-qasam tal-ikel, Muscat spjegat li kemm jistgħu l-istabbilimenti qegħdin jimxu mal-prinċipju tal-“farm to fork”.  

Dan il-kunċett tfaċċa aktar fis-snin riċenti meta saħansitra kien f’dibattiti kontinwi fil-Parlament Ewropew. Filwaqt li nżommu dak kollu li ntqal s’issa, Muscat tgħid li tingħata preżenza akbar u aktar frekwenti lill-platti lokali, tradizzjonali u f’ċerti każi b’daqsxejn ta’ esperimentazzjoni, platti ispirati mill-kċina Maltija. 

More in Politika